Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Politika Soċjali, David Agius, inqabad li ma kienx jaf li l-pensjonanti f’pajjiżna ma jħallsux taxxa fuq il-pensjoni li jirċievu,
Dan deher ċar waqt dibattitu fuq l-Istazzjon nzzjonali waqt il-programm XTRA, immexxi minn Saviour Balzan, u li fih ipparteċipa wkoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Hekk kif id-diskussjoni żvolġiet fuq il-pensjonijiet u l-pensjonanti f’pajjiżna, David Agius qal hekk.
“Number one, naħseb li l-pensjonanti tagħna m’għandhomx jinqabdu bit-taxxa.”
Il-Ministru Michael Falzon pront ikkoreġa lill-Agius għall-iskorettezza li qal.
“Fil-verità, ma jinqabdux. Il-pensjoni ma tinqabad xejn u qatt.”
Il-Ministru Falzon saħansitra aċċenna għall-bidla li saret taħt Gvern Laburista dwar dan.
“Meta kienet inbidlet l-amministrazzjoni fl-2013, dakinhar il-Gvern il-ġdid Laburista ma biddel xejn mill-Budget li kien sar taħt amministrazzjoni differenti. Biddilna ħaġa waħda biss: li l-minimum wage li dak iż-żmien kienet taxxabbli konna għamilniha mhux taxxabbli. Jiġifieri, le, il-pensjoni m’hijiex taxxabbli.”
Intant, David Agius deher skomdu għall-aħħar malli l-Ministru Michael Falzon irrimarka li, għal 22 sena sħaħ, il-Partit Nazzjonalista żamm iffriżati l-pensjonijiet f’pajjiżna, mingħajr qatt ma ta żieda waħda.
Michael Falzon: “Ta’ min juri li, bejn l-1994 u l-2016 – 22 sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista – dawk is-snin kollha, il-pensjonanti ma ħadux żieda waħda.”
David Agius: “Hux ma ħadux, hux ma ħadux.”
Kien hawn li Agius ra x’għamel biex jiġbor l-argument tiegħu u minflok jaċċenna għal żidiet fil-kumpens tal-għoli tal-ħajja, bil-Ministru Michael Falzon pront jerġa’ jikkoreġih.
“Il-pensjoni mhux il-COLA, il-pensjoni mhux il-COLA, tidħakx bin-nies. Il-COLA ma hijiex żieda fil-pensjoni.”
In-nefqa soċjali taħt gvern Laburista s-sena li għaddiet ammontat għal aktar minn biljun u mitejn miljun ewro. Dan huwa ekwivalenti għal żieda ta’ 7.2 fil-mija jew €81 miljun.
Fil-fatt, fuq pensjonijiet biss, b’riżultat ta’ aktar nies li rtiraw u bdew jirċievu pensjoni iżda anki riżultat ta’ żieda oħra li ta l-Gvern, in-nefqa kibret b’aktar minn €35 miljun.