Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri qal li l-ħidma fuq il-proġett tal-Breakwater ta’ Marsalforn, kompliet għaddejja tul dawn l-aħħar xhur hekk kif tlesta l-istudju tal-Environmental Impact Assesment, hekk kif mitlub mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li l-ERA fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni għal perjodu ta’ xahar, fejn kull min hu interessat, apparti li jara u janalizza d-dokument imħejji, jista’ wkoll jagħti l-kontribut tiegħu.
Huwa kompla jispjega li d-disinn magħżul b’rabta ma’ dan il-proġett, li anke ġie evalwat u milqugħ mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, huwa intiż li jilħaq żewġ kriterji importanti: id-difiża tal-bajja mill-maltemp u li tali proġett ikollu l-inqas impatt viżiv possibbli.
Il-ministru saħaq li l-gvern ma għandu l-ebda intenzjoni li jibdel lill-Marsalforn f’Yacht Marina jew xi attività marittima relatata u fuq dan hemm ukoll qbil mal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, li hu responsabbli mill-bajja ta’ Marsalforn.
“Dan hu proġett ħolistiku, parti mill-Masterplan imħejji għal Marsalforn, proġett li ser jara l-bajja tikber ġaladarba jitlesta il-breakwater, fejn id-disinn maqbul ser jassigura li ċ-ċirkolazzjoni fil-bajja tibqa’ waħda naturali biex b’hekk din il-bajja popolari tkun tista’ titgawda minn kull min jiffrekwentaha,” qal il-ministru.
Id-Direttur ta’ Eko-Għawdex, Joseph Cutajar, li qed imexxi ’l quddiem dan il-proġett ta preżentazzjoni, u ngħatat ukoll preżentazzjoni teknika mill-Perit inkarigat Frank Muscat.