Il-gvern se jonfoq €5 miljun sabiex jgħin lil 1,800 familja bi dħul baxx u jikru propjetà fejn jgħixu. Kif imwiegħed fil-Budget 2018, daħal fis-seħħ benefiċċju ġdid tal-kera ta’ residenzi privati li se jirrifletti aktar il-prezzijiet tal-kera. Benefiċċju li se jieħu post sussidju eżistenti li qabel ma kienx jirrifleti l-prezzijiet reali tal-kera.
Skop tal-iskema
Din l-iskema tipprovdi benefiċċju fuq il-kera mħallsa fuq residenzi mikrija mill-privat bħala residenza ordinarja tal-applikant/i sabiex il-kera ssir aktar affordabbli. Dan il-benefiċċju għall-ewwel darba qiegħed jiġi kkalkulat mhux biss fuq id-dħul tal-applikanti, iżda anke fuq in-nefqa tagħhom fuq il-kera.
Kriterja ta’ eliġibbiltà
Persuna tikkwalifika għall-benefiċċju fuq il-kera taħt din l-iskema jekk tissodisfa dawn il-kriterji:
- l-applikant huwa l-kerrej rikonoxxut mis-sid tad-dar privata li fuqha qed issir l-applikazzjoni;
- l-applikant ikun diġa’ għamel kuntratt mas-sid, li jkopri sitt xhur jew aktar jew kuntratt ta’ ċens temporanju li ma jeċċedix il-21 sena, li għandu jippreżenta kopja tiegħu lill-Awtorità;
- l-applikant huwa ċittadin ta’ Malta jew tal-Unjoni Ewropea, jew jgawdi minn stat ta’ refuġjat, minn protezzjoni sussidjarja jew jipposjedi stat ta’ long term residence. Fil-każ ta’ miżżewġin mhux separati, biżżejjed li parti waħda tkun Maltija jew ċittadina tal-Unjoni Ewropea;
- l-applikanti jridu jkunu ilhom residenti Malta għal mhux anqas minn tmintax-il xahar konsekuttivi, minn qabel id-data tal-applikazzjoni;
- il-fond li fuqu qed issir l-applikazzjoni ikun fi stat tajjeb ta’ tiswija u f’kundizzjoni abitabbli;
- l-użu tal-fond bħala residenza ordinarja huwa skont il-liġi u skont l-obbligi kuntrattwali tal-kirja.
Benefiċċju fuq il-Kera
Il-benefiċċju fuq il-kera se jkun ibbażat fuq id-dħul annwu kif ukoll il-kera mħallsa mill-applikanti.
Din it-tabella tindika d-dħul massimu li jista’ jkollu l-applikant sabiex ikun eliġibbli għal dan il-benefiċċju, kif ukoll l-ammont massimu ta’ benefiċċju li kull applikant ikun intitolat għalih:
Kategorija | Membri tal-familja | Dħul Massimu | Benefiċċju Massimu |
1 | Persuna Waħedha | € 14,700 | € 3,600 |
2 | Ġenitur Wieħed b’wild wieħed | € 19,050 | € 4,800 |
3 | Ġenitur Wieħed b’żewġ ulied jew aktar | € 23,400 | € 5,000 |
4 | Żewġ Adulti mingħajr tfal | € 19,000 | € 3,600 |
5 | Koppja b’wild wieħed | € 23,800 | € 4,800 |
6 | Koppja b’żewġ ulied jew aktar | € 28,600 | € 5,000 |
7 | Tlett Adulti jew aktar jgħixu flimkien | € 27,900 | € 5,000 |
Eżempji
Dan ifisser li permezz ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid li se jikkunsidra d-dħul gross tal-applikanti u l-kera mħallsa minnhom:
- Persuna waħedha li qabel setgħet tibbenefika minn massimu ta’ €1,600 fis-sena, llum tista’ tieħu sa massimu ta’ €3,600;
- Żewġ adulti mingħajr tfal li qabel setgħu jieħdu sa massimu ta’ €1,900 fis-sena, llum jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €3,600;
- Ġenitur wieħed b’wild wieħed li qabel setgħa jibbenefika minn massimu ta’ €2,000 fis-sena, permezz ta’ dan il-benefiċċju jista’ jibbenefika sa massimu ta’ €4,800;
- Koppja b’żewġ ulied jew aktar qabel setgħet tibbenefika minn massimu ta’ €2,000 fis-sena, filwaqt li llum tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €5,000.
Dħul annwu totali tal-applikant
Id-dħul annwu aggregat tal-applikant jinkludi:
- dħul gross minn impjieg, paga u/jew salarju, overtime, pensjoni u/jew benefiċċju soċjali oħra tal-applikanti (esklużi ċ-Children’s Allowance) fl-intier tagħhom għas-sena bażi preċedenti.
- id-dħul tal-applikant għas-sena bażi kalendarja minn kapital imħaddem, bħal depożiti f’banek, shares, stocks, self, kirjiet, investimenti f’intrapriżi kummerċjali, investimenti oħra, fil-proprjetà inkluż qliegħ kapitali (capital gains).
- mid-dħul gross annwu jitnaqqas kull ammont li persuna separata tħallas lill-parti l-oħra bħala manteniment.
Metodu ta’ applikazzjoni
Persuna li tikkwalifika għall-benefiċċju fuq il-kera taħt din l-iskema tista’ tissottometti applikazzjoni lill-Awtorità waqt il-ġranet u ħinijiet tal-uffiċċju.
L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-Awtorità tad-Djar u mill-fergħa tal-Awtorità tad-Djar f’ Għawdex. Il-formola tista’ titnizzel ukoll minn fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità housingauthority.gov.mt.