Il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jisħaq li l-inizjattiva ta’ Stabbiltà li wasslet għal roħs u stabbiltà fil-prezz ta’ aktar minn 400 prodott essenzjali tal-ikel, hi “tfarfir taż-żebgħa”.
Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia rreferiena għal dak li qal il-Kap meta, f’konferenza tal-aħbarijiet, ittratta fuq l-għoli tal-ħajja.
Mistoqsija: “Ivan Bartolo kien qal li mhux sew li l-Gvern mar fuq is-supermarkets biex iraħħsu l-prezzijiet tal-ikel. Għadek temmen li kienet idea ħażina?”
Caruana Cilia: “Hi tassew ħasra li l-Partit Laburista jipprova jkun partiġġjan fuq suġġett bħal dan. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġà tkellem fid-dettall dwar dan.”
Dwar it-tielet patt soċjali ta’ Gvern, immexxi minn Robert Abela, fejn sar ftehim mal-importaturi u s-sidien tas-supermarkets u l-ħwienet għal stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel li wassal biex ir-rata ta’ inflazzjoni kompliet nieżla partikolarment fuq l-ikel, Bernard Grech kien qal hekk.
“Qed jipprova jikkumbatti l-problema tal-umdità ġod-dar. Ineħħi t-tfarfir taż-żebgħa u jerġa’ jiżbogħ fuqu. Hekk qed jagħmel il-Gvern.”
Din id-dikjarazzjoni Grech irrepetiha f’każin Nazzjonalista ieħor fejn attakka kemm felaħ inizjattiva oħra favur stabbiltà fil-prezzijiet.
“U hekk jagħmel dan il-Gvern, ikollu ż-żebgħa qed tfarfar, għax qed tagħmel l-umdità u jiżbogħ fuqha.”
L-attakk tal-Partit Nazzjonalista kontra kull ftehim li jraħħas il-prezzijiet intensifikah Ivan J. Bartolo tas-6PM li, dwar dikjarazzjoni li kien għamel, staqsejna llum lil Jerome Caruana Cilia.
“L-Onor Silvio Schembri qed iħabbat bieb bieb, qed jitkellem man-negozjanti li jimportaw l-ikel, għax qed jieħu inizjattiva biex jara kif se jraħħas il-ħajja. Ma tistax toħroġ hemm barra u lin-negozjant tgħidlu ara x’se tagħmel ħa traħħas il-prezzijiet. Mela waqt li kollox qed jogħla, qed ngħidulu raħħas il-prezzijiet.”
Fuq l-inizjattiva ta’ Stabbiltà kien tkellem ukoll ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar.
Cassar kien qal li l-ikel bi prezz stabbli parti mill-inizjattiva ta’ ‘Stabbiltà’ iqabbdek l-iskorbut, marda tas-Seklu 18.