Il-President tal-għaqda Repubblika ma kkundannax kliem Manuel Delia fil-konfront ta’ Franco Debono u minflok infexx f’attakk fuq il-Prim Ministru Robert Abela.
Fl-aħħar jiem, l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt u esponenti tal-establishment Nazzjonalista, Manuel Delia, ħareġ jgħajjar lill-Avukat u eks Deputat Franco Debono bħala marda li qed terġa’ titfaċċa. Xi ħaġa li ġiet ripetuta minn esponenti oħrajn tal-establishment.
Mistoqsi jekk jikkundannax dan il-kliem li kiteb Manuel Delia, barra Kastilja Robert Aquilina ma kkundannax lil Delia u minflok żied id-doża fl-attakki tiegħu fil-konfront tal-Prim Ministru.
Robert Aquilina tal-għaqda Repubblika attakka lill-Prim Ministru wara li Dr Abela tkellem dwar riformi fil-Qrati biex il-ġustizzja ssir fi żmien raġonevoli u ssir bil-ħaqq.
Lil Aquilina staqsejnih għal darba, darbtejn, tlieta, iżda dan baqa’ qatt ma kkundanna lil Manuel Delia.
Manuel Delia attakka b’mod insensat lil Franco Debono ftit wara li l-Avukat ta’ Bernard Grech, Edward Debono, gideb ukoll fuq l-eks Deputat meta qal li dan għamel xi kundizzjoni li jkun fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex jerġa’ jkun parti minnu.
Franco Debono, iżda, kien mar fl-istess programm tar-radju tal-Knisja biex igiddeb lil Edward Debono fejn kien għadu kif qal id-dikjarazzjoni msemmija.
Hemmhekk Franco Debono sfida lill-Avukat ta’ Bernard Grech biex jissostanzja dak li qal, iżda s’issa Edward Debono baqa’ ma ġab l-ebda prova, kif ikkonfermat anke mit-Times.
Is-soltu tattika tal-establishment u l-esponenti tagħha meta tkun trid tassassinja l-karattru ta’ kull min ma jaqbilx magħha.