Numru kbir ta’nies is-Sibt filgħaxija żaru t-toroq ta’ Birkirkara u segwew l-attività mtella’ mill-Kunsill Lokali BIRKIRKARA MAŻ-ŻMINIJIET. Din l-attività li tittella’ kull sena tinħadem bejn il-Kunsill u l-għaqdiet tal-lokalita’, li kif tgħid is-Sindku s-Sinjura Joanne Debono Grech, jingħaqdu kollha taħt bandiera waħda Karkariża.
Fl-attivita’ tas-Sibt, kien hemm numru ta’ artiġġjani li esebew il-prodotti tagħhom, fosthom il-fuħħar; xi ħaġa tradizzjonali għall-Karkariżi. Infetaħ ukoll il-maħżen ta’ l-armar tal-festi, kif ukoll kien hemm stands imtellgħin mill-Malta Railway Foundation u l-Vintage Computer Club.
Ta’ interess kbir kien il-mudell imtella’ mir-Railway Foundation ta’ kif kien l-istazzjon tal-ferrovija ta’ Birkirkara, speċjalment issa li l-Kunsill jaf li l-applikazzjoni tiegħu biex il-post isir mużew tal-ferrovija ntlaqgħet u se jinkisbu fondi mill-Unjoni Ewropea.
Fl-attivita’ kien hemm ukoll wirja ta’ karozzi mini minors, u vetturi militari, kif ukoll stand għat-tfal imtella’ mill-Valletta 18.
Ma naqsitx is-serata letterarja, u divertiment fuq żewġ palkijiet. Fost oħrajn stajna nsegwu għana tradizzjonali, il-grupp folkloristiku Ta’ Verna u George Curmi l-Puse.
Kien hemm ukoll konkorrenza tajba għall-kompetizzjoni ta’ l-inbid u tal-liedna.
F’kumment lil one.com.mt is-Sindku ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech qalet illi apparti l-infrastruttura u servizzi oħra, il-Kunsill ta’ Birkirkara jemmen fil-kultura. Apparti minn din l-attività, il-Kunsill qiegħed jaħdem biex iniedi kotba ta’ kultura, fosthom ktieb dwar il-laqmijiet Karkariżi, ktieb dwar kif kien jiġi mitkellem il-Malti f’Birkrikara kif ukoll ktieb dwar niċeċ.
Is-Sindku rringrazzjat lill-għaqdiet kollha Karkariżi li ħadu sehem u lill-istaff tal-Kunsill ta’ l-organizzazzjoni.