Il-Professur fil-Fakultà tal-Liġi, Raymond Mangion, spjega li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja dwar it-tisħiħ tal-istituzzjoni f’pajjiżna jsegwu bosta bidliet li daħħal il-Gvern fl-aħħar snin fosthom il-liġi tal-whistleblower, it-tneħħija tal-preskrizzjoni, u l-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
“Il-Prim Ministru bil-viżjoni tipika tiegħu wera kemm dawn l-emendi, dawk il-modifikazzjonijiet u inkorporazzjonijiet ġodda fil-kostituzzjoni, jistgħu jsaħħu s-saltna tad-dritt”.
Fost l-oħrajn innota proposti importanti fosthom li x-xogħol tal-Avukat Ġenerali – bħala prosekutur u avukat tal-Gvern – jinqasam fuq żewġ entitajiet differenti.
Innota wkoll il-bidliet proposti fil-ħatriet u t-tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura, u l-Ombudsman.
“Il-proposti huma kollha importanti li saru, reali ħafna tagħhom, basta jsiru b’mod li wieħed ikun jista’ japplikahom u jimplimentahom”.
Il-Professur Mangion qal li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja jsegwu proċess li għandu jsir biex jissaħħu l-istituzzjonijiet f’pajjiżna:
“Ma nahsibx li dawn il-proposti kienu ta’ ċanfira. Dawn il-proposti kienu proposti li wieħed għandu jsegwi biex is-sistema taħdem ahjar. Fil-liġi, meta tgħaddi liġi, qatt ma tkun perfetta. Dejjem issaħħaħha bl-esperjenzi”.
Tkellimna wkoll mal-avukat Miguel Balzan, li jsegwi b’interess l-iżviluppi fil-kostituzzjoni Maltija.
Qal li l-proposti huma pożittivi, u nnota kif il-Gvern diġà beda jimplimenta numru ta’ miżuri.
Innota li bosta minn dawn il-proposti jeħtieġu mhux biss il-ħidma tal-Gvern, imma anke l-appoġġ tal-Oppożizzjoni:
“Ħafna minn dawn il-proposti se jmissu provedimenti kostituzzjonali li jeħtieġu 2 terzi tal-kamra. Jiġifieri dan ifisser li l-appoġġ u l-koperazzjoni tal-Oppożizzjoni hija importanti, u dan għaliex? Għax wara kollox igawdi l-pajjiż sħiħ, biex nagħtu nifs ġdid lill-kostituzzjoni tagħna sabiex tkun tista’ sservi aħjar lill-poplu tagħha.”
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li l-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet li huma dwar liġijiet li wiret u li ilhom hemmhekk snin sħaħ.
Fl-istess waqt tenna l-impenn li l-Gvern bi ħsiebu jimplimenta dawn il-proposti fil-massa tagħhom.