Fl-aħħar sitt snin u nofs l-ispiża tal-Gvern fuq xiri ta’ kotba għall-iskejjel Primarji u Sekondarji, qabżet it-tliet miljun ewro, li bihom inxtraw kważi sitt mitt elf ktieb ġdid.
Dan filwaqt li fl-aħħar ħames snin, mindu twaqqfet l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, sar investiment ta’ miljun u seba’ mitt elf ewro f’kotba għall-iskejjel u l-libreriji tagħhom.
Iżda l-ħsieb imur lil’hinn minn librerija waħda f’kull skola. Fil-fatt il-mira hi li jkun hemm librerija f’kull klassi tal-lingwi biex il-kotba jkunu aktar aċċessibbli għat-tfal.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Litteriżmu, David Muscat, qal li jappoġġja dan il-ħsieb hemm bosta skemi li l-Aġenzija qed tagħmel biex tixpruna l-qari fost it-tfal, fosthom l-iskema “Aqra Kemm Tiflaħ”.
“Għandna l-iskema Aqra Kemm Tiflaħ, fejn qegħdin ngħidu li f’kull klassi jkun hemm mill-inqas mitt ktieb, ħamsin bil-Malti u ħamsin bl-Ingliż, li jkunu kemm fittizji, narrattivi, stejjer kif ukoll fattwali dwar ġrajjiet kurrenti.” 16
Fost bosta skemi oħrajn, anki għall-pubblikaturi, l-Aġenzija qiegħda taħdem biex jiżdied il-ħin ta’ kwalità mal-familja, u jiddaħħal iżjed il-kunċett li t-tfal jaqraw mal-ġenituri.
Dan fost l-oħrajn bl-iskema “Gost il-Qari”, b’sessjonijiet li jsiru f’libreriji u ġonna pubbliċi.
“Kull ġimgħa dak li jkun jista’ jieħu lit-tifel jew tifla tiegħu biex jesponihom jew għall-Malti, fejn is-sessjoni tkun bil-Malti kollha, jew inkella għall-Ingliż, fejn is-sessjoni tkun kollha bl-Ingliż.”
Fil-ġranet li qed jittella’ l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, is-Sur Muscat kellu dan l-appell għall-ġenituri.