Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech wera l-inkonsistenza tiegħu fuq l-importanza taż-żgħażagħ f’pajjiżna.
Dan hekk kif poġġa għal intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja fil-programm ta’ Andrew Azzopardi, is-Sibt filgħodu u ġie mistoqsi dwar il-portafoll li ġie assenjat lil Glenn Micallef għall-irwol ta’ Kummissarju Ewropew.
Il-portafoll li ngħata lil Micallef mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen huwa dak taż-Żgħażagħ, il-Ġustizzja bejn il-Ġenerazzjonijiet, l-Isport u l-Kultura.
Fil-fatt, il-preżentatur tal-programm sostna l-importanza ta’ dan it-tip ta’ portafoll, b’Bernard Grech mal-ewwel ra li jimmina l-importanza ta’ dawn l-oqsma, b’mod partikolari ż-żgħażagħ.
“Kien ikollu setturi li jagħmlu aktar differenza… Fil-gradwazzjoni jew anzi fil-gradwatorja għax dik hija l-kelma, ta’ importanza ta’ dekasteri kulħadd jaf li għandek l-ekonomija, is-saħħa li jkunu fuq livell aktar importanti minn oħrajn anke għaliex x’influwenza li tista’ tagħti.”
BERNARD GRECH
Iżda l-preżentatur tal-programm innota l-inkonsistenza fil-politika tal-Kap Nazzjonalista billi rrimarkalu kif fil-faċċata tal-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista, in-Nazzjon jidher bi prominenza ritratt ta’ Bernard Grech maż-żgħażagħ fejn jgħid li huma ‘essenzjali għal pajjiżna.’
Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista nqabad sieq ’l hemm u sieq ’l hawn fuq dan is-suġġett.
B’reazzjoni qal biss kif dan mhuwiex argument.
Andrew Azzopardi: “Però le ħa ngħidlek għaliex, għax fin-Nazzjon illum, ‘iż-żgħażagħ huma essenzjali għal pajjiżna’ u allura ngħid jiġifieri min-naħa qed tgħidu li ż-żgħażagħ huma essenzjali…Qed tifhimni x’qed ngħid.”
Bernard Grech: “Imma mhuwiex l-argument Andrew.”
Andrew Azzopardi: “Kummissarjat bħal dak mhux sabiħ? Jien vera għoġbni, vera ħadt gost.”
Intant, il-Kap Nazzjonalista reġa’ ġie mistoqsi dwar is-suġġett tal-finanzjament tal-Partiti hekk kif il-Partit Nazzjonalista baqa’ jinjora u jikser il-liġi b’mod sfaċċjat u ma jippubblikax il-kontijiet awditjati tiegħu u r-rapporti tad-donazzjonijiet għal numru ta’ snin.
Dan minkejja li ngħata estensjoni wara oħra mill-Kummissjoni Elettorali u wiegħed li kien se jimxi magħhom.
Dwar dan Bernard Grech is-Sibt filgħodu qal biss li l-Partit Nazzjonalista jrid imexxi bl-eżempju, minkejja li l-eżempju li qed jagħti huwa dak li jikser il-liġi.
“Jiena kienet waħda mill-prijoritajiet tiegħu li l-obbligi tagħna rridu nonorawhom, kif jonorahom kulħadd… L-istess by example rridu mmexxu aħna.”
BERNARD GRECH