Bernard Grech ikkonferma li, mis-sena li għaddiet ’l hawn, għadu qatt ma daħal fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħamrun. Dan speċjalment wara li fl-aħħar festa ta’ San Gejtanu ma tħalliex jidħol fis-sede tal-Partit tiegħu stess.
Il-Kap Nazzjonalista kkonferma dan waqt intervista mill-ġurnalist ta’ ONE News, Samuel Lucas, bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza mtella’ mill-Partit Nazzjonalista.
Fil-bidu tal-intervista, il-ġurnalist ta’ ONE staqsa dwar il-każ tal-Ħamrun. Dan anke fid-dawl li l-Kap Nazzjonalista baqa’ qatt ma tkellem pubblikament dwar l-inċident hekk kif, mindu nqalgħet il-ġlieda, għamel xahrejn jevita lill-midja.
Iffaċċjat b’mistoqsija dwar l-episodju, il-Kap Nazzjonalista kkonferma li ma tħalliex jidħol fil-Każin Nazzjonalista.
Ġurnalist – “Dħalt inti fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista dakinhar?”
Bernard Grech – “L-aħħar li dħalt fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħamrun kien proprju sena ilu, l-istess għall-festa ta’ San Gejtanu, però din id-darba le, kif fil-fatt ġara ma dħaltx u ħadna azzjoni fejn iva, il-Każin għalaqnih, għax il-Każin tal-Partit Nazzjonalista għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd, żgur, żgur mhux l-inqas għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.”
Fuq l-istess suġġett, Grech mera s-sewwa magħruf u qal li ma ħalliex waħdu lil Noel Mifsud Bonnici.
Ġurnalist – “Inti dakinhar tal-marċ waqt li Noel allegatament, għax il-proċess għadu għaddej, inti mort tieħu r-ritratti fil-każin Ħamrun.”
Bernard Grech – “Le għandek żball.”
Iżda wara li mera lill-ġurnalist, Bernard Grech ammetta li ħalla lil Noel Mifsud Bonnici mixħut mal-art biex ikompli jiċċelebra fil-marċ.
“Iva jiena mort inkompli anke kif inhu dmir tiegħi nkompli man-nies. Żgur li bil-kliem tiegħi ma kienx se jfieq. Kien hemm bżonn it-tobba u mhux jien dak il-ħin.”
Fil-fatt, hekk kif kompla jiċċelebra mal-marċ, Bernard Grech tela’ fil-gallerija tal-Każin ta’ San Ġużepp, jieħu r-ritratti biex itellagħhom fuq Facebook.
Madankollu mal-ġurnalist ta’ ONE, waqt l-intervista, Grech qal li ma jagħmilx dawn l-affarijiet, minkejja li azzjonietu jgħidu bil-kontra.
“Jien mhux immur u nieħu r-ritratti u s-selfies u npoġġihom fuq il-Facebook.”
Mistoqsi jekk tinkwetahx li l-preżenza tiegħu kienet il-fattur ewlieni li nstigat il-ġlieda fil-Ħamrun, anke kif ikkonfermat minn Noel Mifsud Bonnici nnifsu waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti, Grech qal li dan mhux minnu.
Ġurnalist – “Ma tinkwetakx li l-preżenza tiegħek fil-marċ ta’ San Gejtanu qajmet din il-ġlieda, bħala Kap Nazzjonalista?”
Bernard Grech – “Lanqas xejn, lanqas xejn, għax mhux il-preżenza tiegħi qajmet il-ġlieda! Mhux bil-preżenza tiegħi tqajmet il-ġlieda!”
Il-Kap Nazzjonalista quddiem il-mistoqsijiet tal-ġurnalist wasal ukoll biex jiġġustifika l-ġlieda li l-qarib tiegħu, Noel Mifsud Bonnici, spiċċa qala’. Ġlieda li bagħtitu l-Isptar u li minħabba fiha kellu saħansitra jiġi operat.
“Affarijiet li jiġru. Affarijiet li jiġru.”
Intant, tul l-intervista spikka wkoll l-għajjat u l-interruzzjonijiet mill-udjenza għal ħafna drabi fil-ħin meta ONE News beda jistaqsi lil Bernard Grech. L-istess Kap spiċċa jgħajjat u jaħrab mid-domandi li bdew isirulu fl-isfond ta’ partitarji Nazzjonalisti ostili.
Saħansitra f’mument minnhom persuna tinstema’ tgħid biex il-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon jingħata daqqa ta’ ponn u jintefa’ l-barra.