Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li David Agius irid jevalwa l-informazzjoni li għandu b’rabta mal-allegazzjonijiet li għamel.
Grech qal dan wara li t-Tlieta, fil-Parlament, l-eks Viċi Kap Nazzjonalista u llum kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew allega li r-rebbieħ tal-kampjonat tal-futbol Malti tal-Premier għal din is-sena diġà magħruf.
Dan filwaqt li implika wkoll kif il-logħbiet ikunu mixtrijin.
DAVID AGIUS: “Jien qed ngħidlek hawn Malta nkunu nafu u jkunu jafu qabel ma tintlagħab minn se jirbaħha u kważi kważi nafu min se jieħu l-league s-sena d-dieħla, jew din is-sena li qegħdin fiha.”
CLIFTON GRIMA: “Trid tgħidli”
DAVID AGIUS: “Mhux ’il bogħod minnek, id-distrett tiegħek.”
Fid-dawl ta’ dan, ONE News barra l-Parlament staqsa lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech dwar l-allegazzjonijiet serji tad-Deputat tiegħu.
Grech tenna li Agius għandu jevalwa l-informazzjoni li jkollu.
“Ovvjament David Agius irid jevalwa x’informazzjoni għandu, imbagħad, jimxi minn hemmhekk.”
Bernard Grech – Kap tal-PN
Fil-fatt, minkejja dawn l-allegazzjonijiet serji, Agius la semma liema tim qed jirreferi għalih u lanqas ta dettalji li jissostanzjaw il-konklużjonijiet tiegħu.
B’reazzjoni għal dawn l-allegazzjonijiet serji u mhux sostanzjati tkellmet ukoll l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football, l-MFA, hekk kif iddeskriviethom bħala daqqa ta’ ħarta f’wiċċ l-isportivi u l-voluntieri li jiddedikaw tant ħin, sforz u riżorsi għal-logħba tal-ballun.
Iżjed minn hekk, l-assoċjazzjoni qalet li tali diskors hu bbażat biss fuq konġetturi u spekulazzjonijiet.
Minbarra hekk, l-MFA fakkret fid-dmir li tiġi rrapportata kull informazzjoni jew evidenza dwar logħob mixtri jew kull forma oħra ta’ korruzzjoni fl-isport Malti.