Il-Ħadd filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech eċċella f’diskors mill-aktar negattiv quddiem il-partitarji tiegħu fid-Dar Ċentrali.
Fl-isfond ta’ maltempata qalila warajh li donna tixhed is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin, Bernard Grech ħadha qatta’ bla ħabel kontra r-reshuffle fil-Kabinett mill-Prim Ministru Robert Abela.
Reshuffle li xehed il-karatteristiċi ta’ talent u l-għaqda li jiddominaw fil-Grupp Parlamentari Laburista.
Madankollu Bernard Grech b’vokabularju mill-aktar negattiv iddeskriva dawn il-bidliet bħala “kawlata.”
Huwa qal: “Naħseb irridu nsibu kelma ġdida flok reshuffle. Naħseb wasal iż-żmien taħt dan il-Gvern li flok reshuffle ngħidu kawlata. Kellu bżonn jagħmel kawlata.”
Bernard Grech kritika wkoll id-defiċit f’pajjiżna. Defiċit li wasal kawża tal-miżuri ta’ sostenn minħabba l-pandemija u li xorta ma huwa xejn fejn dak li ħalliet l-amministrazzjoni ta’ GonziPN fl-2013.
Huwa saħaq: “Bħalissa għandna l-ikbar defiċit.”
Hawnhekk Grech stona għall-aħħar speċjalment wara r-rapport li ħareġ mill-Aġenzija internazzjonli ta’ kreditu, Creditreform fejn affermat ir-rating ta’ A+ għall-ekonomija Maltija.
Ekonomija Maltija li għandha wkoll tkabbir ekonomiku ferm akbar minn dak taż-Żona Ewro.
Dan apparti r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li approvat il-budget hekk kif preżentat mill-Gvern Malti.
Intant Bernard Grech sab il-ħin ukoll sabiex individwalment jattakka lill-persuni magħżula mill-Prim Ministru Robert Abela fil-Kabinett tiegħu.
Fost oħrajn Grech attakka lill-ekonomista Clyde Caruana li huwa mfaħħar u magħruf sew għall-kapaċitajiet ekonomiċi tiegħu u l-politika soċjali li jħaddan.
Grech tenna: “Poġġa lil Clyde Caruana. Allura tafda Ministeru tal-Finanzi f’idejn persuna mingħajr esperjenza?”
Bernard Grech deher ukoll infurmat ħażin dwar il-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela hekk kif sostna li ma hemmx Segretarjat Parlamentari dwar l-isport u ż-żgħażagħ f’pajjiżna.
Għall-kuntrarju ta’ dak li qal Grech, fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja hemm is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport.
Grech kompla jgħid:“Iż-żgħażagħ semmiethom Graziella, l-isport … Dan il-Gvern nesiehom. Illum għandna Gvern tant huwa bla viżjoni li lanqas biss indirizza l-isport f’xi Segretarjat Parlamentari jew Ministeru.”
Filwaqt li kompla bid-diskors negattiv tiegħu Bernard Grech ftaħar bis-suppost tiġdid fil-Partit Nazzjonalista u qal dan it-tiġdid ġej bil-ħatra ta’ Mario Ellul bħala Teżorier tal-Partit Nazzjonalista.
Ellul huwa t-tielet kaxxier tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sentejn.
Grech qal: “Dan l-aħħar għandna teżorier ġdid. Insellimlu minn hawn. Lil Mario Ellul.”
Intant hekk kif spiċċat il-konferenza mill-Partit Nazzjonalista, uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista dlonk mar quddiem il-cameraman ta’ ONE News u qabadlu l-camera sabiex jwaqqfu milli jagħmel xogħlu.
Fil-fatt, il-filmat li jixhdu l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista stess juri lil dan l-uffiċjal tal-Partit jitfa’ idu mal-camera u jdawwarha mingħajr il-kunsens tal-cameraman ta’ ONE News.