In-negozjant Ivan Bartolo u xandar David Thake ġew eletti fil-Parlament f’elezzjoni każwali wara r-riżenja ta’ Simon Busuttil u Marthese Portelli x-xahar li għadda.
Kemm Bartolo u kemm Thake kienu voċiferi kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
David Thake kien irriżenja mill-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar minħabba diżgwid ma’ Delia. Huwa kien mar ukoll fuq il-programm Xarabank u f’dibattitu kontra Delia qallu li ma kienx ‘fit for purpose’.
Is-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar kienet karatterizzata wkoll minn mumenti ta’ tensjoni. Dan meta fit-tieni għadd, Thake u l-kandidata Graziella Galea, bint l-ex ministru Ċensu Galea ġabu l-istess ammont ta’ voti.
Hawnhekk reġa’ sar l-għadd tal-voti fejn ġew identifikati żewġ voti bħala dubjużi/ Minn analiżi tal-Kummissjoni Elettorali u uffiċċjali tal-Partit Nazzjonalista fosthom Boris Scerri, il-voti ġew ikkunsidrati bħala validi.
Deċiżjoni li ma niżlet xejn sew man-nies ta’ Galea.
Fl-ewwel reazzjonijiet tagħhom wara li ġew eletti, David Thake u Ivan Bartolo baqgħu m’esprimew l-ebda fiduċja f’Adrian Delia.
Meta kien mistoqsi: “David, fix-xhur li għaddew kont voċifori kontra Adrian Delia u saħansitra għedt li he’s not fit for purpose. Għadek iżomm ma din il-pożizzjoni?” Thake wieġeb: “Bħal ma għadni kemm għedt kull politiku fil-pn għandu skop wieħed li jikseb il-fiduċja tal-poplu.” –
Meta reġa’ kien mistoqsi: Imma għandek fiduċja f’Delia?” Mhix kwistjoni ta’ singoli, mhix kwistjoni ta’ individwi.”
Fil-frattemp, Ivan Bartolo reġa’ indika li se jkompli bil-missjoni tiegħu kontra Delia wara li fis-sajf li għadda organizza petizzjoni biex tisfiduċja lil Delia.
Bartolo sostna: “Qabel ma tistaqsuni intom, fuq dak kollu li għamilt jien dejjem ħdimt biex l-istatus quo jinbidel u issa fil-verita l-għodda biex l-istatus quo jiċċaqlaq ġiet aktar viċin tiegħi u jien se nuża dik l-għodda biex l-istatus quo verament tiċċaqlaq.”
Mistoqsi jekk għandux fiduċja fil-Kap, Bartolo ħarab.