Ava u Travis, dawn huma l-ewwel żewġ itrabi tas-sena l-ġdida.
Ava kienet l-ewwel wild tas-sena, u twieldet 20 minuta wara t-tokki ta’ nofsillejl, għal dik li kienet sorpriża mhux mistennija għall-genituri tagħha, Josielle u Terence. Dan hekk kif iċ-ċkejkna Ava kienet mistennija tasal fit-tnax ta’ Jannar.
Fil-fatt, għall-aħħar tas-sena ftehmu li jiltaqgħu ma’ xi ħbieb:
“Morna hemm, u mbagħad, kont qed nilgħab billiard mat-tfajliet, u ħassejt l-uġiegħ, u qisek tkun taf li trid tidħol l-isptar.”
Filwaqt li l-hena tagħhom ifissdu liċ-ċkejkna Ava, il-ħsieb ma naqasx li jmur fuq ħuha ta’ sentejn.
“Nimmissja naqra lit-tifel, għax peress li għadu żgħir ma ġibtux. U qisu għadu ma jafx li għandu oħtu. Vera ħerqana li narah u nara r-reazzjoni tiegħu kif se tkun meta jara t-tifla.”
Issa li l-imħabba fil-familja kibret, staqsejnihom kif qed jaħsbu li se tkun ħajjithom.
“Ma naħsibx li se jkun hemm preferenzi, taf kif, it-tnejn indaqs, imma sakemm nidraw lil din issa hu. Naraw il-karattru tagħha x’inhu, x’tagħmel. S’issa kwieta tidher hu. Tidher kwieta ħafna.”
Maġenb Ava u l-ġenituri tagħha sibna lil Travis, flimkien ma’ ommu Bernice u missieru Scott.
Travis twieled fis-01:40 ta’ filgħodu, u ħalla lill-ġenituri jistennewh xi ftit, kif spjegawlna l-ġenituri tiegħu stess:
“Qabez id-due date. Suppost kellu jigi fit-28, allura kuljum nistaqsu x’se jiġri. Ma tantx stajna nippjanaw affarijiet lanqas, allura nistennew il-ġurnata tasal.”
Spjegawlna li l-istennija ta’ disa’ xhur kienet twila, imma r-riżultat aħħari kien ta’ sodisfazzjon kbir. Hekk kif dan kien it-tieni wild, staqsejna lil Bernice kif kienet l-esperjenza din id-darba.
“L-istess bejn wieħed u iehor. Iktar eċitata kif imur ħuh la jarah fil-verità.”
U kif jimmaġinaw li se tkun ħajjithom issa li l-imħabba f’ħajjithom kibret?
“Naqra iktar bieżla hux. Iktar okkupata, imma iktar ferħ fl-istess hin. Iktar xi ħaġa sabiħa.” Fuq wiċċ il-ġenituri ta’ dawn iċ-ċkejknin kienet evidenti xi naqra ansjetà. Ansjetà li però tintrikeb mill-ferħ kbir li ġabu dawn it-trabi fil-ħajjiet tal-ġenituri tagħhom.
Wasliet li bla dubju wittew il-triq għal sena mimlija esperjenzi, u ferħ.