Jennings Falzon huwa artist li dan il-Milied kellu l-opportunità jesporta t-talent tiegħu barra l-pajjiż, hekk kif intagħżel biex jibni presepju li ġie esebit fil-Mużew tal-Bibbja fl-Istati Uniti.
Ma’ ONE News, Jennings tkellem fuq l-unur li jesebixxi xogħlu barra minn xtutna, u b’passjoni kbira spjega l-proċess artistiku wara dan il-proġett li għandu mnaqqax fih karatteristiċi Maltin.
Huwa fissrilna: “L-idea kienet ta’ presepju tradizzjonali imma qbadt ukoll punti mill-ambjent Malti. Waħda mill-aktar affarjiet li laqtitni kienet it-Tieqa tad-Dwejra li m’għadniex nistgħu narawha imma immaġinajt li l-grotta qiegħda ġewwa t-Tieqa u li l-pajsaġġ qiegħed imdawwar biha. U ovvjament Malta hija mdawwra bil-baħar allura hemm dik l-idea ta’ gżira li fuqha hemm il-presepju.”
Huwa spjega li dan il-presepju għandu bażi tonda biex min ikun qed iħares lejh, iħossu parti minnu, u dan l-effett huwa importanti għalih biex l-arti tiegħu tkun waħda immersiva.
Jennings tenna: “L-idea kienet ilha mill-bidu tas-sajf u għamilt is-sajf kollu naħdem fuqu u esebejtu f’Novembru. Issa bażikament inti tibda mill-idea u dejjem timxi ‘l quddiem.”
Apparti mill-unur li ġabet magħha din l-esperjenza, Jennings apprezza wkoll dak kollu li tgħallem mill-kultura barranija u appella lil artisti oħra biex jieħdu l-opportunità u jaħdmu barra minn xtutna ħalli jsaħħu t-talenti tagħhom.