“Inħoss id-dwejjaq kbar meta niftakar li fiż-żmien il-festi tal-Milied għandi familja u għax kellna xi ngħidu fuq il-wirt abbandunawni.” Hekk saħqet ma’ ONE News Polly Fenech. Anzjana ta’ 80 sena residenti f’San Vinċenz de Paule li għandha għal qalbha ħafna l-Milied.
Madankollu, hija fost l-għaxra fil-mija tar-residenti li tul is-sena kollha ma jmur iżurha ħadd.
“Ifissru ħafna, u jfissru ħżiena wkoll, ħżiena mhux minnhom, minn ħuti li ma jiġux jarawni. Inħoss naqra dwejjaq meta tiftakar li għandek il-familja, għaliex aħna kellna xi ngħidu, taf inti x’jagħmlu meta jmutu l-ġenituri. Kellna xi ngħidu fuq il-wirt, u abbandunawni”.
ONE News iltaqa’ ma’ Polly waqt it-tnedija tat-tieni edizzjoni tal-attivitajiet tal-Milied mtella’ mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva flimkien mal-Active Ageing Group f’San Vinċenz de Paule fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied.
Din is-sena, l-anzjani se jattendu għal festin mifrux fuq jumejn fejn ser ikunu qegħdin igawdu minn spettaklu.
ONE News tkellem mal-Kappillan ta’ San Vinċenz Fr Ivan Scicluna. Semma kif waqt il-festi, l-anzjani jkompli jgawdu minn dawn it-tradizzjonijiet ta’ tfulithom:
“Matul dan il perjodu tal-Milied nibdew bin-novena tal-Milied li kienu jagħmlu fil-Parroċċa, il-quddiesa tal-Milied bil-purċissjoni u l-bambin u t-tifel. ‘Il quddiem, Ħadd wara l-Milied bl-għajnuna tas-soċjetà tal-mużew nagħmlu manifestazzjoni bil-bambin fis-swali”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul Josianne Cutajar spjegat kif minkejja li l-festi tal-Milied iġibu magħhom żmien ta’ ferħ, għal ċertu anzjani dawn iġibu dieqa kbira f’qalbhom.
“Is-solitudni dejjem ghandna l-interventi li nilqgħu għaliha, b’mod professjoniali norganizzaw attivitajiet fis-swali u fuq barra ta’ San Vinċenz”.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis semma kif inizjattivi ta’ din ix-xorta jgħinu lill-anzjani jegħlbu s-solitudni u jingħaqdu ma’ persuni oħra fl-istess sitwazzjoni u jagħmlu kuraġġ b’xulxin u jieħdu gost flimkien:
“Niġbruhom bħala familja waħda biex flimkien niċċleebraw il-Milied. Hawnhekk hawn atmostfera ta’ familja, kulħadd qiegħed jieħu pjaċir, u għalhekk iħossu l-ferħ u l-imħabba sabiex kulħadd jgħix ħajja normali”.