Iċ-ċirkostanzi straordinarji li qed ngħixu bħalissa ma waqqfux lil Assunta Grima milli tiċċelebra l-mitt sena mit-twelid tagħha fid-Dar tal-Anzjani tas-Sacra Familja fin-Naxxar.
Assunta twieldet fl-1920 f’familja ta’ 6 itfal. Twieldet, trabbiet u għexet il-Ħamrun. Iżżewġet u kellha tlett itfal.
Ma’ ONE News, Assunta rrakkontat kif ta’ tifla ċkejkna li kienet, dejjem kienet bilgħaqal iżżur lil nannitha biex ma jħalluhiex waħidha.
Hija rrakontat: “Jien ma kontx imqarba. Oħti kienet tiċċajta u tagħmel. Jien dejjem man-nanna, immorru norqdu magħha filgħaxija, man-nanna biex ma nħalluhiex waħedha.”
Irrakkontat kif l-imħabba lejn żewġha, kibret ma’ kull jum li għadda, u kif minħabba li kien attur, qattgħu ħafna minn ħajjithom it-teatru, iżda mhux biss hekk kif siefru ħafna drabi.
Assunta kompliet tgħid: “Jirreċta t-teatrin u kien direttur. Konna mmorru t-teatrin miegħu….” “konna morna l-Italja domna ħmistax hemm. Kont għadni żgħira.”
Assunta kellha dan il-messaġġ għal anzjani bħalha biex fiż-żmien il-pandemija, jobdu lill-awtoritajiet tas-saħħa u ma joħorġux bla bżonn: “Jagħmlu kuraġġ u joqogħdu bil-għaqal.”
Minkejja li bħalissa tinsab maqfula fid-Dar tal-Anzjani, Assunta xorta ċċelebrat għeluq sninha flimkien ma’ sħabha u carers li f’atmosfera ta’ ċapċip u ferħ, iċċelebraw ċentinarju ta’ ħajja rikka mimlija mħabba.