Il-Prietka tal-Milied, huwa programm speċjali li ser jintwera fuq ONE lejliet il-Milied fit-20:30.
L-idea ta’ dan il-programm, hija li titwasslu l-prietka tradizzjonali tagħna, pero’ xi ftit differenti. Il-prietka magħmulha minn aspetti varji li jinkludu mużika, kant, rakkonti, ħsibijiet u tradizzjonijiet.
Il-kantanta Amber ser tkun qed ittella’ kunċert, bil-kanzunetti tal-Milied kemm lokali, internazzjonali u anki dawk oriġinali tagħha stess. Dan il-program ser jeħodna fuq vjaġġ fejn ser niltaqgħu ma’ Sr Michela Paris, li tirrakonta dwar meta sabu tarbija fiż-żmien il-Milied ġo kaxxa barra il-Creche.
Ser niltaqgħu ma’ Pawlu, li ser nitkellmu miegħu dwar il-pastur Malti. Kull sena Pawlu jagħmel pastur ġdid. Is-sena l-oħra Pawlu għamel il-pastur relatat mal-covid. Din is-sena b’mod specjali wkoll ser jagħmel it-tifel tal-prietka tal-Milied.
Matul il-program ser niltaqgħu wkoll ma’ Joseph Caurana, li jiftakar sew il-purċissjoni tal-Milied li kienet issir ma San Ġorġ Preca. Jirrakonta l-esperjenzi tiegħu ma’ San Ġorġ Preca u jghidilna kif kienu jikkompetu biex iġorru il-bambin waqt il-purċissjoni.
Rosanne Sollars, hija x’aktarx l-ewwel tifla li għamlet il-prietka tal-Milied f’pajjizna. Dak iż-żmien, ma kinitx komuni li l-bniet jagħmlu il-prietka. Tant hu hekk, li l-fotografu ma kienx mar jieħu r-ritratt dakinhar, għaliex m’emminx li tifla tista tagħmilha.
Ma jonqosx li dwar il-milied nitkellmu ma’ Trevor Zahra, li barra li kiteb diversi kotba dwar il Milied, jispjegalna wkoll diversi tradizzjonijiet u minn fejn gew u kif żviluppaw.
Mal-Milied hemm abbinata wkoll il-Panto, u din ma hemm ħadd aħjar li jitkellem fuqha minn Hector Bruno. Hector jirrakonta dwar it-teatru u kif ikun iż-żmien tal-Milied għal minn jkun qed jtella din il-produzzjoni.