Aktar minn 6,000 student u studenta bdew sena akkademika ġdida fil-Kullegg Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija l-MCAST. L-istudenti se jkunu qegħdin isegwu wieħed minn mija tnejn u disgħin kors li joffru dan il-Kulleġġ.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, is-Sur James Calleja, qal kif l-iskop ewlieni tal-kulleġġ qiegħed jaħdem biex joffri korsijiet li jqarrbu lill-istudenti lejn id-dinja tax-xogħol u l-industrija:
“Dan huwa kulleġġ fejn noffru kwalifiki fil-livelli kollha, allura ż-żgħażagħ mhux biss jieħdu l-esperjenza akkademika, iżda jieħdu wkoll l-esperjenza fid-dinja tax-xogħol. Fil-fatt is-sena l-oħra kellna aktar minn 3,500 student fl-apprentistat”
Il-Prinċipal tal-MCAST qal li din is-sena bħas-snin ta’ qabel ser tkun ikkaraterizata minn xogħlijiet infrastrutturali kbar bil-bini ta’ żewġ binjiet ġodda fosthom l-istitut il-ġdid tal-Inġinerija u t-Trasport .
Sabiex l-istudenti jorjentaw lilhom infushom fil-kulleġġ, din il-ġimgħa qed jitellgħu għadd ta’ attivitajiet fuq il-kampus tal-kulleġġ fejn l-istudenti qed jingħataw informazzjoni dwar il-ħajja fil-kulleġġ u anke dwar karrieri differenti.
La darba l-istudenti jlestu l-istudji tagħhom, iridu jsibu xogħol, u sabiex wieħed japplika jeħtieġ li jitħarreġ ukoll kif jagħmel CV. Għal dan l-għan, l-aġenzija ta’ programmi tal-Unjoni Ewopeja l-EUPA, qed tgħin lil dawn l-istudenti kif iħejju lilhom infushom biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol kif jispjega l-uffiċjal Clifford Debattista.
“Il-Europass CV tgħatik possibilità li inti tinkludi diversi ħiliet li ġeneralment takkwistahom minn diversi attivitajiet oħra barra l-kurrikluru tal-iskola bħal kumitati eċċ u mhux biss dawk li tgħamel fl-iskola, għax sibna li l-employer ikun qed ifittex dawn il-kwalitajiet. Iżda din toffri wkoll forma standardizzata u għalhekk l-employer ikun jista’ jqabbel faċilment għall-aħjar kandidat”
Apparti minn hekk din l-aġenzija qed tħeġġeġ lill-istudenti biex japplikaw ukoll għal programm tal-ERASMUS, li jesponi lill-istudenti għall-esperjenza tax-xogħol barra minn xtutna.