Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri ħabbar li l-Awtoritá Maltija għal-Logħob irċeviet aktar minn 20 applikazzjoni ta’ kumpaniji ġodda sabiex jibdew il-proċess ta’ liċenzjar u jibdew joperaw minn Malta.
Waqt l-edizzjoni ta’ ICE London 2019, l-avveniment internazzjonali li jiġbor taħt saqaf wieħed in-negozji fis-settur tal-gaming, Schembri ltaqa’ personalment ma’ investituri prospettivi u ħajjarhom jinvestu f’Malta għal tisħiħ ta’ dan is-settur.
Huwa spjega kif operaturi u investituri kienu partikolarment interessati fil-proattività ta’ Malta li qed tilqa’ u tħaddan teknoloġija emerġenti u hawn issemmew il-linji gwida li ħarġet l-Awtorità Maltija għal-Logħob b’rabta mal-użu ta’ Distributed Ledger Technologies u l-użu ta’ muniti virtwali f’ambjent magħluq.
Schembri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-preżenza qawwija ta’ Malta waqt ICE London li hija pjattaforma ideali għal Malta sabiex turi għalfejn hija d-‘dar ta’ eċċellenza’ fis-settur tal-gaming.
Fil-fatt, madwar 66 pajjiż inkluż Malta esebixxew waqt ICE London ta’ din is-sena u 11% tal-esebituri huma Maltin. Dan ifisser li minbarra esebituri mill-pajjiż li qed jospita, ir-Renju Unit, Malta għandha l-ogħla ammont t’esebituri segwita mbagħad mill-Istati Uniti.
“Għall-edizzjoni ta’ ICE London ta’ din is-sena, Malta, permezz tal-Awtorità Maltija għal-Logħob u Gaming Malta, qed jispjegaw il-liġi l-ġdida li daħlet fis-seħħ is-Sajf li għadda. L-interess fil-liġi kien wieħed qawwi l-aktar minħabba l-fatt li naqset proċessi burokratiċi li kienu qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-operaturi, saħħet l-irwol tar-regolatur tant li poġġietu f’pożizzjoni aħjar biex jindirizza l-isfidi fl-istess waqt li jkun protett il-konsumatur,” qal Schembri.
Schembri stqarr kif dawn l-inizjattivi li jħarsu ’l quddiem u li ttieħdu fl-aħħar xhur iġġeneraw ħafna interess fost operaturi li diġà joperaw minn Malta u oħrajn li esprimew interess li jistabbilixxu tip ta’ preżenza,” qal Schembri filwaqt li żied li interess qawwi kien fost operaturi fil-qasam tal-esports li esprimew l-entużjażmu tagħhom għall-istrateġija li Malta se tkun qed tniedi fil-ġimgħa li ġejjin dwar dan is-settur.
Waqt iż-żjara, Schembri żar l-istand tal-Awtorità Maltija għal-Logħob li qed tipparteċipa għal ħames darba fl-esebizzjoni ta’ ICE London kif ukoll l-istand ta’ Gaming Malta. Huwa kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Vince Muscat, miċ-Chairman tal-Awtorità Marlene Seychell, il-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità Heathcliff Farrugia u Ivan Filletti minn Gaming Malta.
Ritratti – OPM_PS