L-opra Aħna Refuġjati kienet l-ikbar sfida għal Mario Sammut, li għal dawn l-aħħar sentejn ħadem qatigħ biex ikkompona partijiet sostanzjali mill-opra Aħna Refuġjati, u kien xogħlu li jagħmel l-arranġament mużikali kollu.
Din l-opra oriġinali bil-Malti mtella’ għall-programm ta’ Valletta 2018 għandha l-partikolarità li l-orkestra u l-effetti akustiċi huma kollha maħduma fuq il-kompjuter.
Xi ħaġa li offriet flessibiltà sostanzjali, u tefgħet din l-opra f’keffa għaliha, sostna l-kompożitur:
“Inkitbu opri bil-Malti oħrajn qabel imma din opra kontemporanja. Iġifieri anke l-istrumenti. Użajna ħafna strumenti li ma jintużawx f’orkestra s-soltu. Ħafna middle eastern instruments għax ovvjament qed nitkellmu fuq refuġjati.”L-opra twila madwar siegħa u nofs, u xogħol Mario kien li joħloq u jirrekordja l-kompożizzjoni tal-istrumenti kollha b’mod individwali fl-iċken dettall sabiex il-ħoss ikun reali.
Staqsejnih kemm kienet tkun kbira l-orkestra li kieku kellhom iġibu waħda waqt l-ispettaklu.
“Kieku rridu npoġġuhom kollha quddiemna, jkun hemm 180. Kienu sigħat twal. Inħobb naħdem 16-il siegħa biex ittella’ iktar xogħol, imma kelli xhur sħaħ ta’ 16-il siegħa.”
L-opra għandha mumenti differenti: imħabba, dwejjaq, qtil; u flimkien ma’ Richard Merrill Brown ħoloq il-kompożizzjoni sħiħa li twassal l-emozzjonijiet differenti u takkumpanja l-kant f’din l-opra.
“Waqt il-provi jinbidlu ħafna hafna affarijiet fejn bazikament fl-aħħar 4 xhur hafna xoghol biex inbiddel, incaqlaq, nerga nirriprogrammaha”.
F’din l-opra nġieb f’pajjiżna il-kontro-tenur Spanjol Jose Hernandez Pastor li għandu leħen rari ferm.
“Ftit snin ilu xtrajt software ta’ counter tenor biex indoqqu, u kien joghgobni mmens. Eventwalment ridt inkun naf min hu, sibtu, ikkuntattjajnieh biex ikun Elea fl-opra.”
Sammut spjega li għall-kuntrarju ta’ opri tradizzjonali, Aħna Refuġjati – bil-kitba u direzzjoni ta’ Mario Philip Azzopardi – toffri stil iktar ċinematografiku.
Opra li wieħed jista’ jsegwi fuq il-Fosos tal-Furjana f’żewġ serati: illejla u l-Ħadd fid-21:00.