Negattività u appelli sabiex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad.
Dawn kienu l-messaġġi minn esponenti nazzjonalisti li ikkaraterizzaw il-kunsill ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Meta indirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia naqas milli jsemmi proposti li joħolqu l-ġid u minflok attakka lill-Prim Ministru Joseph Muscat u d-diversi inizjattivi tal-Gvern biex joħoloq il-ġid. F’diskors ta’ siegħa, fejn f’mumenti minnhom spikka t-ton aggressiv tiegħu, Delia reġa’ għamel l-istess allegazzjonijiet.
L-għada li aġenzija ta’ kreditu Ġermaniża tat ċertifikat eċċellenti ieħor lil ekonomija ta’ pajjiżna u li f’dan ir-rapport ġie rimarkat kemm f’diversi oqsma Malta qed tagħmel suċċess, skont Delia pajjiżna għandu problema li hija Joseph Muscat:
“Il-Problema li ħoloq Joseph Muscat”
Adrian Delia daħal fis-sala jindirizza l-Kunsill Ġenerali, bil-Kap Eżekuttiv tal-midja nazzjonalista Pierre Portelli warajh. Pierre Portelli li mill-inkjesta ta’ Egrant, li ikkonfermat li saret gidba fil-konfront tal-Prim Ministru, kien il-bniedem li kellu f’idejh id-dokumenti foloz fil-każ Egrant. B’riċentament, il-Qorti sabet ukoll li qarraq dwar ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Waqt il-Kunsill Ġenerali, spikkaw l-attakki lejn il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Bis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli, jinsulta bla rażan lil min jiġi f’ilsienu, bħall-Ministru Edward Scicluna:
“L-iċċassar ta’ Edward Scicluna.”
Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista reġa’ kien Kunsill Ġenerali ieħor li fih spikkaw l-messaġġi sabiex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad:
“Issa l-waqt li l-PN jingħaqad f’leħen wieħed. L-obbligu tagħna huwa li nkunu ma’ Adrian Delia”
Chris Micallef, il-Viċi Sindku tal-Belt Valletta qal: “Jekk ikun baqa’ Nazzjonalist, wieħed inkun jien”
Intant, fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma kellux imqar proposta ta’ kif se joħoloq il-ġid biex imbagħad ikun jista’ jqassmu. Fuq kollox ħafna mid-diskors ta’ Adrian Delia kien jixbah lil dak ta’ Simon Busuttil qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, saħaq il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista temm jgħid li prova oħra ta’ kemm inħakem minn din il-klikka, huwa l-fatt li Delia lanqas lissen kelma waħda dwar l-aħbar li hemm investigazzjoni kriminali fuq il-każ tal-Fekruna, li seħħ taħt ir-responsabbiltà politika ta’ Jason Azzopardi. Biex dak kollu li jgħid fuq ħaddieħor, għal darb’ oħra ma jridux japplika għad-Deputati tiegħu.