Aktar minn tnejn u ħamsin elf pazjent taw il-kunsens tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-portal MyHealth.
MyHealth huwa l-portal tal-Gvern li jagħti aċċess għal diversi servizzi tas-saħħa lill-pazjenti u t-tobba.
Permezz ta’ dan il-portal, il-pazjent jista’ jkollu sommarji dwar il-kura li jkun ingħata waqt li jkun rikoverat l-isptar, kif ukoll diversi riżultati tat-testijiet li jinħadmu l-isptar u rapporti dwar l-X-rays li jittieħdu fl-isptar u fiċ-ċentri tas-saħħa.
Aktar kmieni dan ix-xahar tnieda servizz ieħor li jippermetti lit-tobba jordnaw it-testijiet tal-laboratorju onlajn mingħajr il-bżonn li timtela karta li tingħata f’id il-pazjent, li wara kien jeħodha l-isptar jew fiċ-ċentru tas-saħħa fejn se jsir it-test.
Apparti l-ħamsin elf pazjent, hemm ukoll mitejn u sebgħin tabib li għandhom rabta ma’ pazjenti permezz tal-portal myHealth.
Bis-saħħa tal-MyHealth, tabib jista’ jordna testijiet għal kwalunkwe pazjent Malti, anke jekk dan qatt ma jkun għamel użu mis-servizz MyHealth.
Bil-kunsens tal-pazjent, MyHealth jista’ jkollu sommarju bl-aħħar tagħrif u riżultati mediċi f’każ li tinqala’ emerġenza medika barra minn xtutna.