Kienu għal ħabta tal-għaxra u kwart ta’ 34 sena ilu fejn fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta niżel ajruplan Boeing 737 tal-kumpanija tal-ajru, Egypt Air.
Madwar sagħtejn qabel l-ajruplan tal-Egypt Air kien telaq minn Ateni lejn Kajr. Iżda hekk kif l-ajruplan kien ilu biss għaxar minuti li nqata’ mill-art tliet persuni armati sa snienhom bl-armi u b’bombi tal-idejn ħatfu l-ajruplan.
It-tliet persuni ddentifikaw lilhom nfushom bħala Palestinjani tal-grupp terroristiku Abu Nidal. Mill-ewwel l-affarijiet dehru li se jieħdu bixra iebsa. Abbord l-ajruplan kien hemm aġent tas-servizz tas-sigurtà Eġizzjan li fetaħ in-nar u qatel wieħed mit-terrosti.
L-ajruplan spiċċa Malta wara li l-ajruplan ma kienx se jwassal biex jinżel il-Libja, il-pajjiż preferut tat-terroristi mmexxija minn Omar Rezaq. Rezaq ħeles xi persuni imma anki spara u qatel xi nies għaliex ried l-ikel u l-fjuwil.
F’dan l-istadju qawwiet Eġizzjani ġew f’Malta u attakkaw l-ajruplan, siegħa u nofs qabel dak pjanat. Huma daħlu fl-ajruplan permezz ta’ splużjonijiet fil-kompartamenti ta’ fejn jinżammu l-bagalji u dan wassal għall-ħerba sħiħa. Inqatlu 60 ruħ u indarbu bosta fosthom Rezaq, il-mexxej tat-terroristi li fil-konfużjoni traġika li nqalgħet għamel ta’ bi ruħu li kien xi passiġġier iżda dlonk inqabad ftit wara fl-isptar San Luqa. Rezaq nibet anki kuntatti ta’ ħbiberija f’Malta.
Lorry Ciantar kien wieħed minnhom li sar jafu fil-ħabs hekk kif hemm hekk Rezaq sar reliġjuż ħafna.
“Sirt nafu meta jien, peress li kont membru fil-Presion Fellowship Group kont coordinatore tal-programmi li nagħmlu ġewwa l-ħabs sirt nafu.”
Lorry Ciantar saħaq magħna li tant il-ħbiberija ma’ Rezaq kienet kbira li dan tal-aħħar kien jiftaħ qalbu miegħu.
“Bniedem edukat ħafna, ta’ skola kbira kien jiġi għal quddies għalkemm huwa Musulman kien ħabib ta’ Patri Leo Pordi, illum ma għadux magħna u kien jirrispettani ħafna.”
Illum Omar Rezaq għadu f’ħabs fl-Amerka wara li kien għamel seba’ snin f’ħabs f’Malta biex imbagħad mar il-Għana u eventwalment inżamm minn uffiċjali Amerikani fin-Niġerja.
Sal-lum il-ġurnata Rezaq għadu jibgħat l-ittri lil Ciantar. Lorry stqarr magħna li għalkemm ma jaqbilx ma dak li għamel Omar Rezaq, jista’ jifhem kif il-vjolenza nibtet fih.
“Qalli, I was born with a gun in my hand, my sister was passed away with the bombs and my country is destroyed.”
Hekk kif jaqralna waħda mill-kartolini li bagħtlu Rezaq, Ciantar jisħaq li kull bniedem jista’ jfittex il-ferħ, anki f’dinja fejn il-vjolenza mdemmija tgħolli rasha.