25 sena ilu, il-Partit Laburista kellu dar ġdida.
Dar li ħadet is-sura tagħha bl-għaraq ta’ xbin l-attivisti u dawk li ħadmu għal tant sigħat b’mod volontarju.
Kien sena qabel l-elezzjoni tal-1996 li l-Partit Laburista ċċaqlaq mill-Maċina fil-Kottonera għall-Ħamrun.
Kien żmien fejn il-Partit Laburista ġġedded u kiseb l-art ta’ dik li kienet ir-Radio City.
Kienet twaqqgħet il-binja u flokha telgħet il-binja taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Ftit qabel tlestiet il-binja, is-site manager Ġużeppi Farrugia kien tkellem dwar il-passjoni tiegħu biex ix-xogħol ilestih.
Huwa kien stqarr: “Però dan xi ħaġa illi qabel immut, jiena qed nieħu pjaċir li nagħmilha.”
Dakinhar li ġie inawgurat iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kienet saret attività mill-isbaħ.
Il-Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien Alfred Sant kellu messaġġ importanti għal dawk li tant ħadmu qatigħ biex il-Partit Laburista jerġa’ jsir forza politika b’saħħitha b’mod organizzat.
Dr Sant sostna: “Irridu nagħtu ġieh lil dawk kollha, huma min huma, min fuq s’isfel, f’kull rokna tal-Partit, f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex illi taw il-kontribut tagħhom biex titla’ dan l-uffiċċju, dan il-bini illi jagħmel ġieh lil Partit Laburista u daqstant ieħor jagħmel ġieh lil pajjiżna.”
Dakinhar, Dr Alfred Sant u ż-żewġ deputati mexxejja tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien, Dr George Vella u Dr George Abela kixfu lapida kommemorattiva.
L-atmosfera kienet waħda eċitanti u fuq wiċċ in-nies spikka l-entużjażmu.
Niżlu l-bżieżaq ħomor fl-isfond ta’ sema kaħlani.
Imbagħad kien imiss li jingħaddu ċ-ċwievet fejn il-mexxej fetaħ u daħal fil-kwartieri l-ġodda.
Kwartieri ġodda li fetħu l-bibien ta’ d-dar ta’ moviment li għadu mibni madwar il-Partit Laburista.