Hekk kif ninsabu ftit iktar minn xahar ‘il bogħod mill-bidu ta’ sena skolastika ġdida, jinsab fl-aqwa tagħhom it-tħejjijiet għat-trasport b’xejn tal-iskejjel kollha f’Malta u f’Għawdex.
Wara l-ewwel sena li fiha 99% tan-nies inqdew b’servizz b’xejn, b’investiment tal-Gvern ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro, iż-żieda tal-vetturi rreġistrati fl-iskemi tat-trasport b’xejn hija waħda qawwija.
Il-Maniġer tat-trasport u l-loġistika, Jane Caruana stqarret li “Inġenerali, kemm fuq skejjel tal-istat kif ukoll fuq is-servizzi tal-iskejjel indipendenti u tal-knisja, bl-informazzjoni li għandna f’idejna sal-lum il-ġurnata diġà nafu li għandna madwar mija u għoxrin vettura extra li rreġistraw għall-iskema tat-trasport b’xejn.”
L-operaturi tat-trasport li jvarjaw minn dawk bil-vannijiet u l-coaches huma mqassmin fi żewġ skemi separati, dik tat-trasport b’xejn għall-iskejjel tal-istat u dawk għall-iskejjel indipendenti u tal-Knisja.
Jane Caruana li tamministra t-trasport u l-loġistika kollha li tiġi ma’ dawn iż-żewġ skemi li qed iħallu mat-tmien mitt ewro fil-bwiet tal-familji, spjegat kif għad hemm l-applikazzjonijiet miftuħa għat-trasport b’xejn iżda appellat biex ħadd ma jħalli għall-aħħar.
Caruana tenniet li “L-applikazzjonijiet huma miftuħin sal-aħħar tax-xahar jiġifieri nappella lill-ġenituri biex jekk għadhom m’applikawx jidħlu fil-website tagħna u japplikaw u jekk għandhom bżonn xi għajnuna għall-applikazzjoni jistgħu kemm jiġu hawnhekk il-Ministeru tal-Edukazzjoni ġewwa l-Furjana, il-One Stop Shop tagħna jew inkella jistgħu jikkuntatjawna bit-telefown u nkunu nistgħu ngħinuhom fil-proċess tal-applikazzjoni.”
Filwaqt li spjegat li l-Għawdxin jistgħu jmorru fil-Kulleġġ tar-Rabat Għawdex, il-ġenituri tat-tfal li jattendu fl-iskejjel indipendenti u tal-Knisja wkoll iridu japplikaw iżda b’mod differenti.
“Il-ġenituri jistgħu jġibu l-informazzjoni ta’ min huma dawn l-operaturi li llum il-ġurnata huma parti mill-iskema li jidħlu fl-istess website tagħna u hemm hekk ikunu jistgħu jagħżlu l-iskola li ħa jattendu t-tfal tagħhom u jaraw liema huma l-operaturi li ħa jkunu qegħdin joperaw vjaġġi direttament ma’ dik l-iskola”, temmet tgħid Caruana.
Id-domanda għas-servizz tat-trasport b’xejn għall-iskejjel għadha qed tikber, u l-operaturi li diġà qed jagħtu sehemhom fl-iskemi qed iħarsu lejha bħala opportunità biex jespandu u jinvestu aktar fl-operat tagħhom.