Il-President onorarju tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina nfexx f’attakk aħrax kontra l-Maġistrat Nadine Sant Lia wara li din ordnat investigazzjoni dwaru għaliex kien hemm leakage illegali dwar inkjesta.
Il-każ kien dwar rikors li ressaq ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija għaliex skont in-Nutar Aquilina dan ma ressaqx persuni li kienu jaħdmu fil-bank Pilatus wara inkjesta marbuta ma’ ħasil ta’ flus.
Fis-sentenza, il-Maġistrat iddikjarat li kien hemm leakages illegali li jtappnu l-proċess tal-inkjesta, li l-pulizija mxiet kif suppost mal-ordnijiet tal-Qorti Inkwirenti u l-Avukat Ġenerali u li Robert Aquilina bbaża ħafna mix-xhieda tiegħu fuq xniegħat u ma riedx isemmi nies li tawh informazzjoni b’mod illegali.
Għalhekk il-Maġistrat ordnat investigazzjoni dwaru u sigħat wara, Robert Aquilina kien quddiem id-Depot ma’ Jason Azzopardi jattakka l-Maġistrat u l-istituzzjonijiet, fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija.
Huwa sejjaħ dak li għamlet il-Maġistrat Nadine Sant Lia bħala perveżjoni tal-ġustizzja, dan għax spjega kif hu ma jaqbilx ma’ dak li qalet il-Qorti f’dan il-każ.
Din mhux l-ewwel darba li ta’ Repubblika flimkien mal-Partit Nazzjonalista attakkaw l-istituzzjonijiet fejn ma jaqblux magħhom iżda mbagħad irrimarkaw biex ħadd ma jattakka l-istituzzjonijiet meta d-deċiżjoni tkun idoqq għal widnejhom.
Fil-fatt barra d-Depot, Robert Aquilina qal li qed igiddeb dak li ddikjarat il-Maġistrat Nadine Sant Lia.
Barra d-Depot u b’ton iebes, Robert Aquilina qal li meta jrid jiġi għalih il-Kummissarju tal-Pulizija imma ordnalu x’għandu jagħmel qabel.
Dan f’diskors iebes li fih kompla jattakka l-istituzzjonijiet.
Intant fil-Qorti ġie spjegat ukoll kif Robert Aquilina kellu f’idejh informazzjoni li mhux suppost kienet għandu u l-Maġistrat innutat li kien hemm leaks fosthom mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-FCID, fejn kien hemm jaħdem l-eks Supretendent Frank Anthony Tabone, illum kandidat Nazzjonalista fuq it-13-il distrett u magħruf kemm hu qrib ħafna ta’ Jason Azzopardi.