Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kompla bl-attakk tiegħu fuq il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Bilqiegħda ħdejn l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Rosette Thake, il-ġurnalista staqsiet lil Auqilina jitkellem dwar mument ħelu li kellu mal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Dan fi programm fuq il-midja tal-partit li ttella’ b’rabta mal-aħħar diskors ta’ Busutitl fil-Parlament Malti wara li għażel Brussell.
Madankollu, Aquilina ma tantx dam jitkellem fuq il-mument ħelu ma’ Busuttil u f’kemm trodd salib, dawwar il-kanuni fuq Delia. Huwa tkellem dwar l-aktar mumenti diffiċli li għandha minnhom Busuttil kemm dam fil-politika Maltija.
Huwa semma: “Kien hemm żewġ mumenti li fl-opinjoni tiegħi li kienu diffiċli ħafna għal Simon Busuttil.”
Qal li wieħed minnhom kien meta nqatlet Daphne Caurana Galizia u l-mument meta Delia qallu biex iwarrab mill-Partit Nazzjonalista wara li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant.
Aquilina sostna: “U t-tieni kienet meta kienet ittieħdet id-deċiżjoni fil-konfront tiegħu wara l-inkjesta Egrant. Dak kien ukoll mument diffiċli ħafna. Għextu viċin tiegħu dak iż-żmien u rrid ngħid li kien imweġġa’ dak iż-żmien.”
Dakinhar tal-pubblikazzjoni, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia talab lil Busuttil biex jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jissospendi lilu nnifsu mill-Partit. Dan wara li l-inkjesta xejnet għalkollox l-allegazzjoni li l-kumpanija Egrant kienet tal-ex prim ministru Joseph Muscat jew tal-familja tiegħu.
Madankollu, Delia reġa’ lura mid-deċiżjoni tiegħu wara li l-fazzjoni ta’ Busuttil ħarġet kontrih u minflok bdiet issejjaħ għat-tkeċċija tiegħu mill-Partit Nazzjonalista.
Fl-intervent tiegħu, Aquilina qal li Simon Busuttil dejjem ħadem biex is-sitwazzjonijiet diffiċli fil-partit Nazzjonalista tirranġa. Huwa qal: “Però ovvjament hu dejjem miftuħ li wieħed jagħmel il-pass ’il quddiem biex is-sitwazzjonijiet diffiċli li jinqalgħu inkluż fil-Partit Nazzjonalista kemm jista’ jkun jitranġaw.”
Aquilina stqarr dan ftit jiem biss wara li Simon Busuttil kien fost għadd ta’ deputati li ħarġu stqarrija li fiha sejħu lil Adrian Delia biex iwarrab minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Intant il-firda fil-grupp parlamentari kompliet toħroġ fid-deher anke fil-Parlament meta Beppe Fenech Adami, ieħor mill-fazzjoni Busuttil ta x’jifhem li mhux id-deputati kollha xtaqu jawguraw lil Simon Busuttil.