Kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Abner Aquilina, li jinsab mixli bil-qtil ta’ Paulina Dembska f’Tas-Sliema f’Jannar tal-2022.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia, ħarġu żviluppi xokkanti mingħand żewġ spetturi li huma parti mil-Prosekuzzjoni.
Fuq il-pedana tax-xhieda l-ewwel tela’ l-Ispettur Jonathan Ransley, li qal li f’Jannar li għadda ġie avviċinat mill-Pulizija ta’ Birkirkara li qalulu li kien hemm priġunieri fit-Taqsima Forensika tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u li fetħu qalbhom dwar x’kien jagħmel u jgħid Abner fiċ-ċella.
L-ispettur qal li wieħed mill-priġunieri spjega li l-akkużat kien dejjem jiftaħar magħhom li qatel lill-Pollakka, u kif meta allegatament qatilha kien daħħal ċavetta fil-parti privata tagħha, ċarratha, immasturba fuq żaqqha u li kien fgaha b’faxxa li kellu ma’ idu.
Spettur ieħor xehed kif dawn il-punti għenu biex ikun hemm żvilupp fl-investigazzjonijiet hekk kif l-awtopsja kienet uriet il-ġrieħi mal-parti privata tal-vittma, iżda ma kinux jafu biex kienu ġew ikkawżati.
Fix-xhieda ħareġ kif Abner kien jhedded lill-ommu u lill-Avukat li se joqtolhom.
Waqt li kienet qed tinstema’ din ix-xhieda Abner beda jidħak u jgħajjat fl-Awla, bl-Avukat Difensur jgħidlu biex jieqaf.
Ix-xhieda kompliet tispjega kif darba saru tfittxijiet b’mandat fiċ-ċella ta’ Abner u nstab flokk bi tpinġija fuqu. Lill-Pulizija Abner kien qalilhom li dak kien hu qed ikollu x’jaqsam mal-Pollakka.
Instabu wkoll karti bi tpinġija oħra u djarju li fuqu kien jikteb l-akkużat b’rabta mal-omiċidju.
Fi tmiem is-seduta, fil-preżenza ta’ omm l-akkużat, l-Avukat Difensur Mario Mifsud ippreżenta rikors biex Abner jew jittieħed il-ħabs jew inkella l-Isptar Monte Carmeli biex jingħata l-kura u mhux jibqa’ f’limbu fit-Taqsima Forensika.
Mifsud saħaq li mix-xhieda li nstemgħet jidher biċ-ċar li Abner għandu bżonn il-kura, imbagħad wara jaffaċċja l-ġudizzju u fl-istess ħin issir ġustizzja mal-qraba u mal-vittma nnifisha.
Il-kumpilazzjoni se tkompli fid-29 ta’ Marzu.