Is-sezzjoni tal-kummenti taħt l-artikli toffri opportunita lill-poplu jikkummenta u jgħid tiegħu dwar dak li jkun għaddej u nkunu qed nirrapportaw dwaru. Xi ħaġa sabiħa, sakemm min jikkummenta jkun jaf x’qed jgħid u ma jkunx qara biss it-titlu.
Illum kellna artiklu bit-titlu “Membri Parlamentari se jkollhom jużaw it-taraġ…” Wieħed mill-ewwel kummenti kien ta’ xi ħadd li kiteb li “kif jissewwa l-lift irid jara l-irċevuta.” Iżda, il-lift ma kienx bil-ħsara. Il-lift ma ntużax minħabba inizjattiva marbuta mal-attivita fiżika u mhux għax kien bil-ħsara.
Dan huwa biss eżempju wieħed ta’ għexieren jekk mhux mijiet ta’ kummenti fi newsportals lokali fejn persuni jikkummentaw wara li jkunu qraw biss it-titlu.
Saħansitra dan jgħamluh fuq affarijiet ħafna iktar serji bħad-dibattitu li kien għaddej dwar il- Panama Papers, il-qasam tas-saħħa, l-ekonomija,is-settur tax-xogħol jew saħansitra stejjer li jkunu jolqtu direttament il-ħajja tan-nies u kumment naħa jew oħra jaf ikollu wkoll impatt fuq ħajjet dik il-persuna li tissemma. Jew persuna oħra li tkun għaddejja mill-istess sitwazzjoni.
M’għandniex xi ngħidu dan huwa wkoll riflessjoni ta’ dak li ħafna drabi jiġri fis-soċjeta fejn ħafna jlissnu opinjonijiet dwar temi li ftit li xejn ikollhom tagħrif dwarhom. Inħossni favur il-libertà tal-kelma kemm trid u ma naqbel xejn ma’ siti rinomati barra minn pajjiżna li spiċċaw neħħew is-sezzjoni tal-kummenti minħabba raġunijiet diversi mhux l-inqas din. Pero kun af dwar xix qed titkellem. Qabel tikkummenta taqrax biss it-titlu. Aqra l-artiklu jew tgħid xejn!