Heritage Malta se tkun qegħda tfakkar il-75 anniversarju mill-għoti tal-George Cross kif ukoll mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija b’attività mingħajr ħlas fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Forti Sant’Iermu nhar it-13 ta’ Settembru. Dawn iż-żewġ avvenimenti storiċi huma spjegati fid-dettal fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fejn żewġ swali huma ddedikati għat-Tieni Gwerra Dinjija.
Iċ-ċerimonja pubblika tal-għoti tal-George Cross kienet saret fit-13 ta’ Settembru tal-1942 fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta wara li f’Awwissu kienu daħlu l-aħħar vapuri tal-Konvoj ta’ Operation Pedestal. Il-George Cross ingħata lill-pubbliku Malti mir-Re Ġorġ VI b’messaġġ bil-miktub. Kopja tal-messaġġ qegħda esebita mal-George Cross fil-Mużew tal-Gwerra, bir-Re Ġorġ VI ifaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-Maltin fil-gwerra.
Fis-sala biswit il-George Cross hemm sala oħra ddedikata kollha kemm hi lill-Konvoj ta’ Santa Marija. Il-konvoj, bl-isem ta’ Operation Pedestal, salpa lejn Malta f’Awwissu tal-1942 hekk kif il-gżejjer Maltin kienu viċin ħafna li jċedu. Il-konvoj kien taħt attakk kontinwu, kemm mill-ajru kif ukoll mill-baħar, u kienu biss erba’ vapuri merkantili u t-tanker SS Ohio, li sofra ħsarat kbarat, li għamluha sal-Port il-Kbir. Il-wasla tal-aħħar vapuri tal-konvoj ħabtet mal-festa ta’ Santa Marija u għalhekk dan il-konvoj baqa’ magħruf bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija.
Dawn iż-żewġ avvenimenti storiċi huma xhieda tal-kuraġġ u t-tenaċitá li wera l-poplu Malti fit-Tieni Gwerra Dinjija, u se jkunu spjegati bi żjajjar bi gwida fis-sezzjoni tat-Tieni Gwerra Dinjija fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra,inkluż il-bejt tal-Kavallier liġeneralment ikun magħluq għall-pubbliku. Minbarra l-aspett storiku tal-Kavallier, din il-parti tal-forti toffri veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir kif ukoll tal-Port ta’ Marsamxett.
Esebiti għall-pubbliku se jkun hemm ukoll dokumenti u ritratti mill-arkivji relatati mat-Tieni Gwerra Dinjija. Heritage Malta qegħda tistieden lill-pubbliku biex min għandu xi stejjer, memorji jew inkella ritratti ta’ dak il-perjodu u jixtieq jaqsamhom sabiex javviċina lill-Heritage Malta.
L-attivitajiet jibdew fis-6.00pm sal-10.00pm u d-dħul se jkun b’xejn. Id-dħul se jsir mid-daħla oriġinali tal-forti fejn hemm il-fosos u l-pubbliku se jkollu l-opportunitá jżur Forti Sant’Iermu bil-lejl.
Iktar tagħrif dwar Heritage Malta u avvenimenti organizzati mill-aġenzija jinkiseb fuq www.heritagemalta.org jew mill-paġna uffiċjali ta’ Facebook.