F’awla numru tlieta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta’ l-impreditur Hugo Chetcuti f’Lulju li għadda.
Fil-preżenza ta’ Bojan Cmelik – is-Serb mixli bil-qtil tal-imprenditur, li kien imdawwar minn bosta uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, xehdu bosta tobba li spjegaw l- kumplikazzjonijiet li għadda minnhom is-Sur Chetcuti kemm dam l-isptar qabel miet fit-12 ta’ Lulju li għadda.
L-ewwel li tela’ fuq il-pedina tax-xhieda kien il-kirurgu u konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza Dr Jonathan Joslin, li qal li vittma wasal l-Emerġenza sitt minuti qabel il-ħdax ta’ filgħaxija, u sa għoxrin minuta wara kien fit-teatru tal-operazzjonijiet.
Qal li d-deċiżjoni li jiġi operat ittieħdet f’kuntest li Chetcuti sofra minn emoraġija interna, qalbu bdiet tgħaġġel, u tbaxxitlu l-pressjoni. Huwa ppreżenta wkoll erba’ ritratti tal-feriti li ġarrab Chetcuti fil-lejl tas-6 ta’ Lulju qabel ġie operat.
F’dak il-ħin, il-vittma ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.
Xehed ukoll it-tabib Josef Mifsud, li qal li ma kienx hemm ħin biżżejjed biex issir CT Scan. Qal li l-feriti f’żaqqu kienu ta’ żewġ ċentimetri ’l waħda.
Xehed ukoll Dr Ayman Mustafa li kien l-ewwel kirurgu li opera lill-vittma, u qal li sab diversi tiċrit fl-imsaren. Spjega li wara li waqqaf id-demm, ġew iċċekkjati l-organi kollha għal tliet darbiet.
Xehed ukoll il-konsulent Alex Attard li għal snin twal kien it-tabib u “ħabib” ta’ Hugo. Qal li wara li sar jaf bil-każ mill-aħbarijiet, mar ħdejn Hugo, kellmu u kien fiduċjuż li se jaqleb għall-aħjar. Iżda l-għada Ħadd sab lil Chetcuti fuq il-magni għax kellu bżonn l-ossiġnu. Qal li meta eżaminalu żaqqu, innota li ma kinitx normali u għaldaqstant ħass li kellha ssir operazzjoni oħra. Hawn instab li kien hemm tiċrita oħra fl-imsaren li jista’ jkun li kienet il-kawża ta’ infezzjoni li żviluppatlu u li nfirxet fid-demm.
Xehdu wkoll numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija fejn ingħad li għall-avveniment privat li matulu ġie attakkat Hugo, il-bibien baqgħu miftuħa.
Ingħad ukoll li meta l-Pulizija tkellmu ma’ Isaac Chetcuti – ħu l-vittma ra lill-akkużat jagħmel mossa ’l quddiem u lura għal aktar minn darba qrib żaqq Hugo. Dak il-ħin Hugo beda jżomm żaqqu u qal lil ħuh biex jaqbdu.
Il-każ ikompli fis-26 ta’ Settembru.