Matul l-aħħar jiem, hekk kif l-impenji tat-timijiet Nazzjonali Maltin kienu fl-aqwa tagħhom, One Sport tkellem ma’ Kyle Mifud, żagħżugħ ta’ 18 il-sena li ilu għal dawn l-aħħar sentejn jilgħab u jistudja l-Ingilterra wara li rebaħ scholarship grazzi għall- Ministeru tal-Edukazzjoni.
Mifsud, li huwa prodott tan-nursery ta’ Birkirkara FC kif ukoll plejer regolari fit-tim Nazzjonali Malti ta’ taħt il-19 il-sena, irrakonta magħna l-avventura tiegħu fl-Ingilterra kif ukoll l-pjanijiet li għandu għall-futur.Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi minn dejjem kienet hemm. Prattikament minn meta kelli erba’ snin kont insegwi l-futbol internazzjonali, bl-ammirazzjoni kompliet tiżdied hekk kif bdejt nilgħab il-playstation. Ommi kienet iddeċidiet li tibagħtni nitħarreġ fl-iskola li kien ħoloq il-kowċ tat-tim Nazzjonali Malti Ray Farrugia, u minn hemm il-quddiem bqajt nilgħab. Kont ingħaqadt man-nursery ta’ Birkirkara FC fejn bqajt tiela sal-minors.
X’waslek tiddeċiedi tħalli Malta u tkompli bil-karriera barra mill-pajjiż?
Xtaqt li nkompli l-karriera tiegħi barra għax ridt nara jekk għandix il-livell meħtieġ biex nilgħab f’kampjonati barranin. Naħseb hi x-xewqa ta’ ħafna plejers Maltin li jmorru jilgħabu barra minn Malta. Jien nemmen li jekk tilgħab ma’ plejers aħjar minnhekk, titjieb tista’, u hekk għamilt. Apparti minn hekk nixtieq li l-futbol ikun il-professjoni tiegħi, li permezz tiegħu nkun nista ngħix ħajja komda. Kelli dan iċ-ċans għaliex irbaħt scholarship mill-Ministeru għall-Edukazzjoni bis-saħħa tal-Malta Sports Scholatships, u aċċettajt.
Kemm kienet diffiċli li tħalli l-familja u l-ħbieb u tmur l-Ingilterra?
Biex inkun onest, ma tantx kienet diffiċli biex nitla’ l-Ingilterra. Kont ċert mid-deċiżjoni tiegħi għaliex kif għidtlek, minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li ngħix u nilgħab barra l-pajjiż.
Kien hemm mumenti fejn xtaqt titlaq u tiġi lura Malta?
Ġieli kont nara ritratti ta’ ħbieb tiegħi jieħdu pjaċir u kont inħoss ċertu dwejjaq, iżda fl-aħħar mill-aħħar kont nfakkar lili nnifsi li din hija l-ħolma tiegħi, u jekk ma nagħmilx sagrifiċċju, il-ħolma ma ssirx realta.
Kemm taħseb li huwa importanti li żgħażagħ Maltin iduqu l-futbol barra minn Malta?
Kieku jiġi plejer Malti li qed itella’ u jniżżel dwar jekk għandux jipprova jilgħab barra minn Malta, ngħidlu biex jieqaf jaħsibha, u jippakkja u jmur llum qabel għada.
Minn barra li titgħallem u tgħolli l-livell tiegħek ta’ futbol, timmatura ħafna wkoll. Titgħallem kif tgħix waħdek u tieħu ħsieb tiegħek nnifsek. Allura, jekk plejer jiddeċiedi li jduq il-futbol barrani mhux talli jitjieb fil-futbol iżda fil-opinjoni tiegħi jsir bniedem indipendenti u matur.
X’inhuma l-pjanijiet tiegħek wara li tlesti dan l-ischolarship?
Idealment niffirma kuntratt professjonali fl-aħħar tas-sena. Jekk dan ma jsirx, inkompli nistudja dwar ix-xjenza fl-isport f’livell Universitarju fl-Ingilterra. Waqt li nkun qed nagħmel dan nixtieq inkompli nilgħab futbol semi-profesjonali bħal ma qed nagħmel issa mat-tim ta Burnham FC u nkun plejer regolari fit-tim Nazzjonali Malti.
Fejn tara lilek innifsek 10 snin oħra?
Daqsxejn diffiċli! Kieku xi ħadd staqsieni sena ilu hux se nkun fis-sitwazzjoni li qiegħed fiha bħalissa, żgur kont ngħidlek le. Imma nista’ ngħid li jekk ma nkunx qed nilgħab futbol professjonali, narani naħdem ma xi klabb tal-futbol bħala xjentist fl-isport, ngħix l-Ingilterra flimkien mat-tfajla tiegħi, u nibni familja hawnhekk.