April ta’ din is-sena kien l-aqwa xahar għat-turiżmu f’sentejn. B’dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li, f’April li għadda, ġew 206,530 turist f’pajjiżna.
Minn dawn kien hemm 11,294 turist li ġew permezz tal-vapuri tal-kruċieri.
Mill-bidu tal-pandemija ’l hawn, kien ix-xahar ta’ April meta ġew l-iżjed turisti. Dan jikkonferma l-irkupru ta’ dan is-settur mid-daqqa tal-pandemija.
Meta wieħed iqabbel April li għadda max-xahar ta’ qabel, it-turisti f’pajjiżna żdiedu b’94,584 turist.
Id-differenza tidher ċara, meta wieħed iqabbel April ta’ din is-sena ma’ April tas-sena ta’ qabel. Id-differenza fi żmien sena kienet ta’ 195,236 turist.
Matul April ta’ din is-sena, ġew f’pajjiżna għal btala 175,067 turist.
38.9% tat-turisti li ġew f’artna bħala turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena. 30.7% kellhom bejn il-45 u l-64 sena.
38.9% tat-turisti ġew minn Franza, mill-Ġermanja, u mill-Italja.
Meta mqabbel ma’ xahar qabel, żdied anki l-għadd ta’ ljieli li qattgħu f’Malta t-turisti. F’Marzu li għadda n-numru ta’ ljieli laħħaq 739,194, filwaqt li f’April in-numru ta’ ljieli kien 1,215,521.
Hawnhekk, id-differenza kienet ta’ 476,327 lejl.
In-nefqa bejn xahar u ieħor żdiedet bi €58 miljun. In-nefqa mit-turisti matul ix-xahar ta’ April, kien ta’ €138.1 miljun.