Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva għal dan ix-xahar ħejja programm ta’ attivitajiet, sessjonijiet u inizjattivi b’risq il-persuni fil-firxa wiesgħa tal-awtiżmu, il-familji u l-istakeholders kollha involuti.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ħabbret dan waqt laqgħa ta’ informazzjoni li saret f’GħajnsielemLearing Hub f’Għawdex għall-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskejjel. Waqt din il-laqgħa diversi esperti mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni taw tagħrif dwar is-servizzi offruti kif ukoll il-proċessi involuti għal kull servizz. Tqassam ukoll materjal informattiv dwar diversi servizzi oħrajn offruti mill-Gvern permezz tal-Aġenzija Sapport.
Dawk kollha preżenti, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ipparteċipaw fil-kampanja ta’Autism Europe billi rrepetew b’mod simboliku l-ġest li qed jiġi użat biex jingħelbu l-ostakli, il-preġudizzju u d-diskriminazzjoni.
Fi tmiem il-laqgħa s-Segretarju Parlamentari Caruana ħabbret li llum stess hija skedata laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali biex tibda l-konsultazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Kunsill maħsub fil-liġi li dan il-Gvern ħejja apposta biex il-firxa wiesgħa tal-Awtiżmu tingħata l-attenzjoni li tassew jixirqilha.
Dr Justyne Caruana raddet ħajr lill-ġenituri li attendew kif ukoll lill-uffiċjali li ġew apposta għal din il-laqgħa. “Laqgħat bħal dawn juru kemm hawn għatx għal aktar għarfien dwar il-ħidma kontinwa tal-Gvern għal ulied b’xi diżabilità biex jgħin lilhom u lill-familji tagħhom igawdu bi dritt ħajja aktar inklussiva fl-iskejjel u fil-komunità,” temmet tgħid Dr Justyne Caruana.