- Aktar xemx u temperaturi kemxejn ogħla mis-soltu f’April
- ‘Il fuq minn 250 siegħa ta’ xemx irrekordjati
- 14-il ġurnata bix-xita pproduċew total ta’ 12.8 mm ta’ xita
April ġab miegħu temp sabiħ tar-rebbiegħa, bix-xemx toħroġ għal medja ta’ 8.6 sigħat kuljum. It-turisti li għażlu li jqattgħu l-vaganzi tal-Għid tagħhom Malta żgur ma kinux iddiżappuntati bit-temp, hekk kif it-temperatura laħqet massimu ta’ 24.5°C fil-15 u s-16 ta’ April.
B’mod ġenerali, il-ġranet f’April kienu kemxejn aktar sħan u gawdew minn aktar sigħat ta’ xemx milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena. It-temperatura medja tal-arja kienet dik ta’ 16.4°C, jiġifieri 0.3°C ogħla min-norma klimatika, filwaqt li t-temperatura medja tal-baħar kienet 0.5°C ogħla min-norma ta’ 16.1°C.
Dawn it-temperaturi sħan kienu akkumpanjati minn xejn anqas minn 250.8 sigħat ta’ xemx u kopertura tas-sħab medja ta’ 3.4 oktas. Il-15 ta’ April kienet ġurnata partikolarment imdawla u matulha x-xemx ħarġet għal 12.3-il siegħa.
It-temp f’April kien taħlita ta’ xemx u xita, u matul ix-xahar ġew irrekordjati 14-il jum bix-xita. Madankollu, it-total ta’ xita rrekordjat, jiġfieri ta’ 12.8 mm, kien 8 mm anqas mit-total mistenni għal April.
Barra minn hekk, maltempata bis-sajjetti ġiet esperjenzata tul il-lejl tal-21 ta’ April, bittemperatura taqa’ għal minimu ta’ 8.9°C l-għada.
Filwaqt li tul ix-xahar ma ġiex irreġistrat ċpar, f’ċerti ħinijiet il-viżibbiltà kienet imnaqqsa minħabba trab sospiż fl-ajra bejn is-26 u d-29 ta’ April.