L-ammont ta’ persuni li żaru Malta f’April laħaq 202,698, jiġifieri żieda ta’ 21.9% meta mqabbel mal-istess xahar fl-2016.
162,065 ġew Malta fuq btala, filwaqt li 20,141 oħra ġew fuq negozju.
Fejn jidħlu skopijiet ta’ negozju, kien hemm żieda notevoli ta’ 60.5% fuq sena ilu, f’xahar wieħed biss. Turisti li ġew Malta mill-Ewropa żdiedu b’20.9%.
Dan kollu jirriżulta minn statistika ppublikata mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, li tista’ tara hawn taħt.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU
Xahar ieħor eċċezzjonali għat-Turiżmu f’Malta – April – ġie rreġistrat l-ammont rekord ta’ ’l fuq minn 200,000 turist. Qatt f’dan ix-xahar ma ġie rreġistrat ammont ta’ turisti li jaqbeż il-mitejn elf. Dan sarraf f’żieda bla preċedent ta’ kważi 22% fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ċifri ppublikati dalgħodu rrimarkaw li dawn it-turisti f’April qattgħu 1.26 miljun lejl f’pajjiżna u nefqu direttament €153.8 miljun, tkabbir ta’ kważi bi kwart fuq is-sena 2016 u li ssarrfet fi €30.6 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija b’permezz tal-infiq turistiku.
“Kif nista’ ma nħossnix kburi b’dawn ir-riżultati li qed niksbu flimkien f’dan is-settur?’’, qal il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis hekk kif laqa’ b’sodisfazzjon dawn iċ-ċifri ppubblikati mill-NSO dalgħodu. “Il-politika li fassal u wettaq dan il-gvern tat il-frott bil-provi,” tenna l-Ministru Zammit Lewis. Huwa spjega kif għall-ewwel darba pajjiżna rreġistra ’l fuq minn nofs miljun turist fl-ewwel terz tas-sena. L-ammont ta’ infiq turistiku rrekordjat fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena laħaq it-€391 miljun, li ssarraf fi €58.5 miljun aktar ta’ dħul dirett fl-ekonomija Maltija meta mqabbel mal-perjodu ta’ Jannar u April tal-2016.
“Ċertament dan kollu għen għas-surplus fil-Fond Konsolidat ta’ €21 miljun li ġie rreġistrat fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena’’, afferma il-Ministru għat-Turiżmu.
Tul din il-leġiżlatura it-turisti żdiedu b’aktar minn 200,000 fl-ewwel erba’ xhur tas-sena. Dan jikkontrasta bil-kbir iż-żieda fl-istess perjodu taħt gvern preċedenti. “Tul żewġ legiżlaturi sħaħ ta’ gvern preċedenti iż-żieda fit-turisti bejn ix-xhur ta’ Jannar u April kien ta’ kważi 64,000. Mill-perjodu ta’ Jannar-April tal-2012 sa dak tal-lum, iż-żieda fit-turisti kibbret bi kważi 70%,’’ aċċenna il-Ministru.
Din is-sena qed nesperjenzaw ukoll espansjoni inkoraġġanti fis-swieq turistiċi fejn qed jirreġistraw tkabbir sostanzjali fuq dak rrekordjat fl-istess żmien tas-sena l-oħra. “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li s-suq Spanjol irkupra u saħansitra rreġistra ċifri superjuri minn dak miksub fl-ewwel terz tas-snin 2011 u 2012,” spjega l-Ministru Zammit Lewis. Huwa kompla jgħid li swieq bħal dak Franċiż, Ġermaniż, Taljan, Olandiż, Pollakk, Svizzeru u Amerikan saħħew it-tkabbir fl-ammont ta’ turisti li qed jiġu f’Malta minn dawn il-pajjiżi. “Minkejja Brexit, is-suq Brittaniku kompla jikber, hekk kif bejn Jannar u April rreġistrajna żieda ta’ 4% fl-ammont ta’ turisti Brittaniċi li żaru pajjiżna meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra,” qal il-Ministru għat-Turiżmu.
“Kburi b’dan il-legat li dan il-gvern qed jgħaddi lil dan il-poplu, partikolarment fl-industrija tat-turiżmu. Dan hu frott il-ħidma li l-gvern flimkien mal-poplu li eleġġieh b’fiduċja konvinċenti, ħaddmu bis-sħiħ għalih bil-għaqal u b’serjetà. Il-ġid li nħoloq u t-tkabbir ta’ din l-industrija tul din il-leġiżlatura huwa suċċess bla preċedent imnaqqax fl-istorja glorjuża ta’ dan is-settur u li ċertament ma jista’ jitħassar qatt. U għaldaqstant bla dubju ta’ xejn nikkonferma li dan huwa l-aqwa żmien għal pajjiżna anki f’dan is-settur mill-aktar importanti għall-ekonomija Maltija u għal ħolqien tax-xogħol,” temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/05/News2017_089.pdf”]