Hekk kif ix-xitwa tiksi d-dinja bil-kesħa, is-skiet jirrenja u l-ħajja tmajna, filwaqt li n-nies jitħeġġu biex jirtiraw għall-kwiet ġewwa. Madankollu f’diversi partijiet taċ-Ċina, ix-xitwa tisfida lin-nies biex jiġru ‘l barra u jiffaċċjaw il-borra u s-silġ b’entużjażmu u pjaċir. Wara s-suċċess tal-Olimpjadi tax-Xitwa ta’ Beijing fl-2022, fejn ipparteċipaw diversi pajjiżi minn madwar id-dinja, is-settur tal-ivvjaġġar fix-xitwa taċ-Ċina qed igawdi minn tkabbir konsiderevoli hekk kif aktar nies qed jagħżlu lil dan il-pajjiż għall-vjaġġi tagħhom waqt dan l-istaġun.
F’dawn il-ġimgħat, meta ċ-ċentri xitwin qed jinfetħu għall-pubbliku, it-turisti internazzjonali qed jiġu mistiedna biex jesploraw il-pajsaġġi sbieħ u uniċi taċ-Ċina. Bħala parti mill-promozzjoni, in-Network of International Culturalink Entities (NICE) b’kollaborazzjoni maċ-Ċentri Kulturali taċ-Ċina madwar id-dinja u d-dipartimenti kulturali u tat-turiżmu ta’ Beijing, Tianjin, Hebei, Shanxi, Inner Mongolia, Liaoning, Jilin, Heilongjiang, u Xinjiang, qed joffru esperjenza virtwali permezz ta’ għażla ta’ ritratti u filmati qosra li juru l-ġmiel u l-attrazzjoni ta’ dawn il-postijiet.
Fosthom insibu il-Provinċja ta’ Jilin u l-Muntanja Changbai li jinsabu fil-parti tal-grigal taċ-Ċina fejn hemm uħud mill-aqwa ċentri tal-isports tal-borra u s-silġ fil-pajjiż. F’din il-provinċja nsibu il-Vanke Lake Songhua Resort fil-belt ta’ Jilin li għandha 31km ta’ għoljiet disponibbli għall-iskijar u għas-snowboarding. Imbagħad hemm iċ-Changbaishan Wanda International Resort f’Baishan b’disa’ lukandi lussużi, 21km kwadri ta’ fejn wieħed jista’ jippratika l-iskijar, park tal-ilma intern li jkopri medda ta’ 20,000 metru kwadru, park tas-silġ u l-borra, u l-prattika tal-paragliding.
Il-Provinċja ta’ Jilin tipprovdi lill-viżitaturi bl-opportunità li jesperjenzaw ukoll il-wirt kulturali għani ta’ din iż-żona. Waħda mill-aktar drawwiet popolari hija s-Sajd tax-Xitwa tal-Lag Chagan fil-belt ta’ Songyuan. Kull Diċembru, il-Lag Chagan, b’medda ta’ 420km kwadru, jiffriża sa fond ta’ metru. Fil-għodu kmieni, it-timijiet tas-sajd tax-xitwa jmorru fiċ-ċentru tal-lag bil-karrijiet taż-żwiemel peress li hemm tinsab l-aktar parti fonda fejn jinġabar il-ħut kbir. Wara li jiġi identifikat eżatt fejn qiegħed il-ħut, isiru numru ta’ toqob fis-silġ u minnhom tiddaħħal xibka b’tul ta’ kilometru. It-toqob ta’ din ix-xibka huma pjuttost wiesgħa sabiex jinqabad biss il-ħut il-kbir. Il-proċess kollu jieħu madwar sagħtejn. Eventwalment, ix-xibka tinġibed minn erba’ żwiemel b’saħħithom u fuq il-wiċċ tas-silġ jixirfu eluf ta’ ħut kbir b’uhud minnhom jiżnu aktar minn 10kg kull wieħed. Din il-prattika ssir mill-aħħar ta’ Diċembru sal-aħħar ta’ Frar.
L-esplorazzjoni tal-Provinċja ta’ Jilin matul il-vaganzi tax-xitwa tipprovdi ċ-ċans li wieħed iduq il-varjetà wiesgħa ta’ ikel awtentiku lokali. Il-kċina ta’ Jilin hija primarjament ikkaratterizzata minn influwenzi mill-akbar tliet minoranzi tal-provinċja – Manchu, Koreana u Mongoljana. Il-platti famużi ewlenin jinkludu ħut moqli mix-Xmara Songhua u ż-żrinġ tal-foresta tal-Muntanja Changbai.
Fatt kurjuż huwa li x-xitwa fil-Provinċja ta’ Jilin għandha l-lat sħun tagħha minħabba n-nixxiegħat abbundanti ta’ ilma sħun, kawża tal-attività vulkanika f’din iż-żona. Għalhekk wara ġurnata ta’ attivitajiet, wieħed jista’ jagħżel li jirrilassa f’dawn il-pixxini sħan b’veduti sbieħ tas-silġ. Iċ-ċentru taċ-Changbai Mountain Julong hija mogħnija b’żewġ lukandi lussużi li għandhom aktar minn 600 kamra b’veduti tal-foresti u l-ambjent muntanjuż. Hawnhekk wieħed isib medda ta’ 11,000 metru kwadru ta’ nixxiegħat sħan fejn hemm 77 pixxina. Post ieħor famuż huwa Piyanshan Hot Springs Ancient Village f’Changchun b’bosta nixxiegħat ta’ ilma minerali li joffri għadd ta’ benefiċċji għas-saħħa. Hawnhekk jinsabu 38 nixxiegħa sħuna interna, 11-il nixxiegħa sħuna esterna, numru ta’ pixxini, u faċilitajiet ta’ rikreazzjoni oħra.
Għal dawk li jippreferu l-kwiet u t-trankwillità, hemm iż-żona xenika tal-Lag Laolike li tidher qisha ġenna tas-silġ moħbija fost il-qċaċet tal-muntanji. Tinsab bejn il-belt ta’ Helong u l-kontea ta’ Antu tal-Prefettura Awtonoma Koreana ta’ Yanbian, Provinċja ta’ Jilin fuq il-Muntanja Laolike, fejn hemm elevazzjoni ta’ 1470 metru u wisa’ ta’ aktar minn 30 ettaru.
Il-pubbliku jista’ jsegwi aktar dwar dawn il-meravilji Ċiniżi tax-xitwa fuq il-Facebook taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta.