Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard approva verżjoni riveduta tal-linji gwida proposti mill-Kumitat talAvukati u Prokuraturi Legali.
B’hekk dawk il-kandidati li applikaw għall-warrant ta’ Avukat jew Prokuratur Legali matul din is-sena, se jkunu jistgħu joqgħodu għall-eżerċizzju li jiddetermina jekk persuna hiex tajba u xierqa għall-professjoni legali.
Fir-risposta tiegħu lill-Kumitat, il-Ministru Jonathan Attard irringrazzja l-Kumitat u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li bid-djalogu bejn il-partijiet ġie żblukkat l-impasse li nħoloq. Fl-istess waqt saħaq li għandhom jissoktaw id-diskussjonijiet bil-għan li jkomplu jiġu mtejba dawn il-linji gwida.
Dan il-proċess kien daħal bl-emendi tal-2021 li kienu saru fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni Proċedura Ċivili, fejn huwa l-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali li jrid jirrakkomanda jekk kandidat huwiex persuna tajba u xierqa u li mil-linji gwida ma hemm xejn li, fil-fehma tal-Kumitat, mhijiex kompatibbli mal-eżerċizzju talprofessjoni legali.
Il-Ministru Attard appella biex il-proċess kurrenti jingħalaq mill-aktar fis biex il-105 kandidati li diġà ġew eżaminati u approvati mill-Imħallfin, jirċievu l-warrant fl-iqsar żmien possibbli.
Għal dan il-għan, il-Ministeru għall-Ġustizzja qiegħed jagħti l-assistenza neċessarja biex il-kandidati jirċievu u jissottomettu l-informazzjoni diġitalment, bil-għan li jkun iffaċilitat il-proċess u jitmexxa b’aktar effiċjenza.