Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea approvaw pakkett addizzjonali ta’ sanzjonijiet fuq ir-Russja.
Dan waqt Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, li tlaqqa’ b’mod urġenti fi Brussell.
Dan wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Preżenti għal dan il-Kunsill tal-Ministri kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Evarist Bartolo, li flimkien mal-Ministri l-oħra kkundanna dak li qed jiġri fl-Ukrajna.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal li minkejja l-għadab u l-kundanna fuq ir-Russja, irid jitħalla bieb miftuħ għad-djalogu.
Il-Ministru Bartolo saħaq ukoll fuq l-importanza li r-Russja tosserva l-liġi internazzjonali u anki sabiex ikun hemm waqfien mill-ġlied, biex aktar nies ma jitilfux ħajjithom.
Intant il-Gvern Ingliż qal li mpona sanzjonijiet diretti fuq il-President Russu Vladimir Putin u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja Sergei Lavrov.