S’issa l-Awtorità Maltija għall-Mediċini approvat għaxar testijiet tal-Covid li wieħed jista’ jagħmilhom hu stess fuqu nnifsu.
Dwar dan ONE News tkellem maċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott, li spjega magħna kif s’issa dawn it-testijiet kollha jsiru mill-imnieħer u li huma preċiżi iżjed minn disgħin fil-mija (90%). Huwa sostna li ’l quddiem f’pajjiżna jaf ikun hawn testijiet li juru jekk tkunx pożittiv jew negattiv għall-Covid-19 b’test mill-ħalq.
Il-Professur Seracino Inglott qal kif dawn it-testijiet qed jinbiegħu mingħand l-ispiżjara u dawn ġew approvati wara li l-Awtorità Maltija għall-Mediċini rat li huma tajbin u siguri.
Qal, “Issa għandna test ieħor, test li mill-inqas huwa ta’ 90 fil-mija, jiġifieri li jurik jekk inti għandek il-Covid. Allura, issa għandek dak il-vantaġġ li jekk inti sejjer xi mkien, m’għandekx sintomi, u inti trid tagħmel dak l-istep oltre u issa għandek iċ-ċans li tagħmilha.”
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini sostna magħna li dan it-test huwa sempliċi u r-riżultat joħroġ fi żmien kwarta.
Qal, “Bħalissa t-test huwa test li, pereżempju, iddaħħal swab fuq in-naħa ta’ mnieħrek, qisu daqs 1 inch, biex ngħidu hekk, ġewwa. Iddawru ħames darbiet, terġa’ ddaħħal in-naħa l-oħra għall-imnieħer, iddawru ħames darbiet oħra. Imbagħad ikollok qisu flixkun żgħir, li jkun fih buffer dan. Tħawdu ġo dan il-flixkun inti. Imbagħad ittella’ żewġ drops minn dik fejn tkun poġġejt dik is-swab.”
Hawnhekk il-Professur Serraccino Inglott spjega kif it-test joħroġ bħal test tat-tqala, u li meta wieħed ikun pożittiv għal Covid-19 jimmarkaw żewġ linji.
Huwa qal li l-akbar gwadann ta’ dan l-awtottestjar huwa li wieħed ikun jaf l-istat tas-saħħa tiegħu u ma jersaqx lejn in-nies vulnerabbli, li infezzjoni bil-virus tista’ twassalhom biex saħansitra jitilfu ħajjithom.