Wieħed u sebgħin proġett fl-iskejjel f’pajjiżna ġew approvati permezz tal-iskema ‘Open Horizons: education through indoor and outdoor learning’. Ħabbar dan il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni, Clifton Grima, li semma li dawn il-proġetti se jsiru b’investiment ta’ nofs miljun ewro.
Intqal li, permezz ta’ din l-iskema, hemm proġetti innovattivi ta’ tagħlim fuq ġewwa u anke barra l-klassijiet, li jsaħħu l-involviment tal-istudenti fis-suġġetti STEM, il-litteriżmu u n-numeriżmu.
Il-Ministru Grima spjega li din l-inizjattiva qed tħeġġeġ lill-edukaturi biex jestendu t-tagħlim lil hinn mill-ambjent tradizzjonali tal-klassi.
“B’ambjent aħjar kemm ġewwa l-klassijiet tagħna u anke fuq barra mill-klassijiet tagħna. Dan ikompli jikkonferma kif aħna, bħala pajjiż, qegħdin inħarsu lejn sistema edukattiva tagħna bħala waħda li tagħti l-ħiliet neċessarji u bħala sistema li trid tevolvi minn waħda li trid tagħti kumpens, f’dak li għandu x’jaqsam bħala tagħlim għal prevenzjoni. U dawn it-tip ta’ inizjattivi jolqtu lit-tfal tagħna minn età bikrija.”
Ministru Clifton Grima
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll, fost oħrajn, is-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru, Matthew Vella, li semma din l-inizjattiva hi parti mill-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni.