Wara negozjati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill, il-Parlament Ewropew approva b’vot b’saħħtu liġi li tistabbilixxi dokument għar-ritorn ta’ immigranti li jkunu qegħdin fl-Unjoni Ewropea b’mod illegali għax ma jkunux intitolati għal protezzjoni internazzjonali jew għall-ażil.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli, waħda min-negozjaturi ewlenin f’dan il-proċess f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D), esprimiet sodisfazzjon għal dan il-vot għax sostniet li dan il-vot għandu jwassal għat-tnedija ta’ dokument għar-ritorn li jista’ jintuża sew mill-Istati Membri u li ank jigi rikonoxxut minn pajjizi terzi. Dan id-dokument jintuża f’każijiet fejn tkun ingħatat deċiżjoni li persuna jista’ jirritorna lura lejn pajjiżu għax ma jkunx intitolat għall-ażil.
“Bħalissa anqas minn 40% tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn ta’ immigranti, qed jiġu inforzati. Sfortunatament din ir-rata baxxa ta’ ritorn ta’ immigranti li jkunu f’pajjiż b’mod illegali hija ta’ detriment għall-kredibilita’ u l-leġittimita’ tal-politika Ewropea tal-ażil u l-immigrazzjoni,” qalet Dr Dalli.
Spjegat li sal-lum, is-sistema preżenti falliet milli tibgħat lura pajjiżhom lil dawk l-immigranti li jkunu fil-pajjiż b’mod illegali. Ħafna drabi dawn il-persuni jibqgħu fl-Unjoni Ewropea għax ma jkollhomx dokumentazzjoni adegwata li tiġi rikonoxxuta mill-pajjiżi terzi. Inoltre, ir-rikonoxximent tad-dokument preżenti huwa baxx ħafna hekk kif mhux ikun aċċettat għal diversi raġunijiet, fosthom raġunijiet ta’ sigurta’. Għalhekk li ġie maqbul dokument li għandu fih features aktar b’saħħithom biex ma jkunx falsifikat. Il-fatt li se jkun hemm dokument wieħed Ewropew għandu jiffaċilita’ r-ritorn tal-persuni msemmija filwaqt li jassigura li l-pajjiżi terzi jħarsu l-obbligi internazzjonali tagħhom.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li permezz tan-negozjati li għamilna rnexxielna nassiguraw dokument li joffri aktar sigurta’ u jgħin fir-ritorn ta’ persuni li m’għandhomx dritt għall-azil u l-protezzjoni fl-Unjoni Ewropeja b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali tagħhom,” qalet l-MEP Maltija.
Dr Dalli qalet li għandna bżonn li l-Istati Membri jassiguraw l-użu effettiv ta’ dan id-dokument tar-ritrorn u li jippromovuh fi ftehim ta’ ritorn kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq livell bilaterali.
L-MEP enfasizzat li, “flimkien ma’ policies u inizjattivi prammatiċi nistgħu nsaħħu l-pass lejn l-implimentazzjoni ta’ liġi b’saħħitha li tista’ tbida tindirizza bis-serjeta’ l-kriżi li għandna quddiemna,” temmet tgħid Miriam Dalli.