“L-approvazzjoni parlamentari tal-liġi dwar Infrastructure Malta huwa pass kbir ’il quddiem sabiex insaħħu l-ħidma u l-investiment li bihom pajjiżna se jkollu toroq u infrastruttura oħra tal-aqwa kwalità fis-snin li ġejjin.”
Hekk stqarr il-Ministru Ian Borg wara li l-Erbgħa filgħaxija l-Parlament approva l-aħħar qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija Infrastructure Malta. Din l-aġenzija se tingħata r-responsabbiltà li twettaq il-mandat tal-Gvern li fis-snin li ġejjin jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq ta’ Malta u Għawdex, kemm dawk ewlenin, kif ukoll eluf ta’ toroq oħra residenzjali u rurali f’kull lokalità, b’investiment li jiżboq is-€700 miljun.
Il-liġi dwar Infrastructure Malta tħejji l-pedamenti legali sabiex titwaqqaf din l-aġenzija fil-ġimgħat li ġejjin. Malli tiġi stabbilita, l-aġenzija se tieħu f’idejha l-bini u l-manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji. Gradwalment imbagħad, Infrastructure Malta se tibda wkoll tieħu f’idejha t-toroq residenzjali u rurali li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali. B’hekk, Transport Malta tkun tista’ tiffoka u ssaħħaħ il-ħidma tagħha bħala regolatur tas-sistemi tat-trasport f’pajjiżna, waqt li l-kunsilli lokali jinħelsu mill-piż tar-responsabbiltà u l-ispejjeż tal-manutenzjoni tat-toroq biex ikollhom aktar riżorsi għal ħidmiet oħra għall-ġid tar-residenti tagħhom.
Fost il-ħidmiet ewlenin ta’ Infrastructure Malta se jkun hemm it-tkomplija fl-iqsar żmien possibbli tal-proġetti kapitali kbar li diġà bdew fix-xhur li għaddew, jew li se jibdew dalwaqt fit-toroq arterjali, fosthom dawk tal-flyovers fi Triq Aldo Moro bejn il-Marsa u Raħal Ġdid, il-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, it-twessigħ u l-bini mill-ġdid tal-Marsa-Ħamrun Bypass u s-Central Link Project fl-inħawi tal-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Ma’ dawn jingħaqdu wkoll proġetti ewlenin f’toroq oħra li se jitħabbru dalwaqt. Fl-istess waqt, se tibda wkoll ħidma intensiva sabiex jibdew jinbnew mill-ġdid toroq residenzjali li jinsabu fi stat ħażin jew li saħansitra qatt ma nbnew qabel.
Din l-aġenzija ġdida se tistabbilixxi proċeduri tekniċi u amministrattivi ġodda u standards aktar rigorużi dwar ix-xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq, sabiex l-investiment bla preċedent li se twettaq madwar il-pajjiż fis-snin li ġejjin iseħħ bl-aktar effiċjenza, bl-aħjar valur għall-flus minfuqa, u bl-aħjar kwalità, iżda bl-inqas impatt mhux mixtieq fuq dawk li jużaw it-toroq, fuq ir-residenti u fuq l-ambjent ta’ madwarna. Infrastructure Malta se tħaddan fiha r-riżorsi umani, fosthom periti u tekniċi tal-ippjanar u l-bini tat-toroq, li bħalissa jagħmlu parti mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta. Magħhom se jingħaqdu aktar professjonisti u tekniċi, sabiex tingħata spinta ’l quddiem lill-ħidma ta’ tisħiħ u bini mill-ġdid tal-infrastruttura tal-pajjiż. Fl-istess waqt, se tikkollabora ma’ entitajiet u awtoritajiet oħra ħalli tiżgura li l-infrastruttura tal-pajjiż tkompli tinkoraġġixxi l-użu ta’ mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi aktar sostenibbli u effiċjenti.
“Infrastructure Malta jeħtieġ li taħdem bla heda sabiex nagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ investiment pubbliku fis-snin li għaddew u ngħollu l-infrastruttura ta’ pajjiżna għal-livell ta’ kwalità li jixraq il-progress soċjali u ekonomiku li qed ngħixu llum,” spjega l-Ministru. “Iżda dan biss mhux biżżejjed,” kompla jgħid, “għaliex b’din l-aġenzija rridu naħdmu wkoll għal futur aħjar, u aktar sostenibbli, għal uliedna u ulied uliedna. B’hekk nevitaw li jgħaddi ż-żmien u nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet diffiċli bħal dawk li qed nesperjenzaw illum fil-mezzi tal-ivvjaġġar tagħna.”
“Se naħdmu bis-sħiħ biex inħejju s-sistemi tat-toroq u infrastruttura oħra tal-pajjiż għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-futur. Dan ifisser li l-investiment li se nwettqu mhuwiex biss ser jimmira li jtaffi d-diffikultajiet fl-ivvjaġġar tal-lum, iżda ser iħares fit-tul lejn soluzzjonijiet sostenibbli, iżda fattibbli, biex nibqgħu ngħixu kwalità ta’ ħajja aħjar filwaqt li nħarsu u nirrispettaw l-ambjent u l-wirt storiku, kulturali u naturali ta’ madwarna”, temm jgħid il-Ministru Borg.