Il-Parlament illejla approva b’mod unanimu l-liġi li se tbiddel il-mod kif issir il-ħatra tal-imħallfin u l-maġistrati.
L-ikbar bidla se ssir fil-mod kif jinħatru l-ġudikanti, bit-twaqqif tal-Kummissjoni dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura.
L-emendi jipprovdu wkoll għad-dixxiplina tal-ġudikanti. Il-bidla li se tkun qed tidħol fis-seħħ wara snin ta’ diskors u wara li l-gvern ippreżenta din ir-riforma li se tara t-twaqqif ta’ Kummissjoni li tiskrutinizza dawk ikkunsidrati għall-ħatra ta’ ġudikant. Din il-liġi kienet deskritta bħala waħda storika mill-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici.
Il-liġi taħseb ukoll għal żieda fil-pensjoni tal-imħallfin u l-maġistrati, għalkemm l-eta tal-irtirar se tibqa’ ta’ 65 sena.
Aktar kmieni llum l-Assocjazzjoni tal-Magistrati u Imħallfin esprimiet sodisfazzjon għal-ligi li għaddiet mill-Parlament, kif tista’ taqra hawn.
Meta tkellem dwar il-liġi fil-Parlament, il-Ministru Bonnici kien talab lill-pubbliku biex ma jissottovalutax is-saħħa u l-qawwa tal-emendi li qed isiru. Dawn isawwru l-pedeamenti ta’ dak li jagħmilna demokratiċi, ta’ dak li jagħmilna Maltin, Għawdxin u Ewropej.