Il-Parlament Ewropew approva formalment il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mmexxija mill-President Ursula von der Leyen.
Il-Kummissjoni l-ġdida ġiet approvata b’461 vot favur, 157 kontra u 89 astensjoni. Biex b’hekk il-Kummissjoni l-ġdida fosthom il-Kummisarju Ewropew Malti Helena Dalli se tassumi l-mandat tagħha għall-ħames snin li ġejjin mill-Ħadd li ġej.
“Bħala kulleġġ aħna kuntenti ħafna li kien hemm dan il-vot tajjeb sabiex nibdew b’din il-ħidma tagħna u għalhekk mill 1 ta’ Diċembru l-kulleġġ il-ġdid jista’ jibda jiffunzjona.”
Il-proċess ittardja bi kważi xahar wara li tul il-proċess tas-smigħ, il-kumitati tal-Parlament Ewropew ċaħdu n-nomini ta’ Franza, ir-Rumanija u l-Ungerija.
Mistoqsija minn dan l-istazzjon jekk dan l-ittardjar laqatx b’xi mod il-ħidma ppjanata, il-Kummissarju-eletta Dalli spjegat li sar ħafna xogħol preparatorju kemm minnha kif ukoll mill-kollegi tagħha.
B’differenza għaliha, Dr Dalli spjegat li hi setgħet taħdem iktar fil-fond għax se tkun l-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza.
“Stajt naħdem iktar fid-direzzjoni li rrid nagħti għaliex ma kelliex nistenna lil xi ħadd ieħor jagħlaq ix-xogħol tiegħu qabel nibda jiena.”
Fil-jiem li ġejjin Helena Dalli se tirriżenja minn deputat fil-Parlament Malti.
Tul is-seduta li matulha ġiet approvata l-Kummissjoni l-ġdida, l-ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli tkellem dwar il-prijoritajiet tal-ħidma ta’ von de r Leyen fosthom liġi ġdida dwar il-qasam tal-ambjent.
“We have industries and businesses that are realising that transformation needs to happen and they are looking at our institutions for clear commitment. For the S&D the Green New Deal is an opportunity to ensure a new economic model that puts employees and the most vulnerable at the centre of our policies.”