Il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi, approva l-appuntament ta’ Kenneth Farrugia biex jiinaħatar bħala Chairman tal-Aġenzija Maltija Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU.
Farrugia, bħalissa hu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, u kien ukoll Direttur fi ħdan l-FIAU.
Illum huwa xehed quddiem dan il-Kumitat hekk kif fi tmiemu, ittieħed vot, bid-Deputati Laburisti Owen Bonnici, Davina Sammut Hili, Andy Elul u Chris Agius jivvotaw favur il-mozzjoni quddiem l-istess kumitat.
Id-Deputati Nazzjonalisti vvotaw kontra din il-mozzjoni. Minbarra hekk Adrian Delia u Karol Aquilina għamlu numru ta’ domandi li skont id-Deputati Laburisti kienu qed jiżvijjaw lix-xhud matul is-seduta.
Waqt ix-xhieda, Farrugia ta rendikont tal-ħidmiet fil-karriera tiegħu, fosthom dawk marbuta mat-tneħħija ta’ pajjiżna minn fuq il-lista l-griża tal-FATF f’qasir żmien. B’hekk il-Kumitat irrakkomanda lill-Ministru għall-Finanzi l-ħatra ta’ Farrugia.