Il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda adotta l-ewwel riżoluzzjoni biex b’mod immedjat ikun hemm waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza.
Dan wara li Malta, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra li huma membri mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, pproponew din ir-riżoluzzjoni.
Wara ħames xhur ta’ gwerra bejn il-militar Iżraeljan u l-Hamas, il-Kunsill tas-Sigurtà qabel li jieqaf il-ġlied għall-ġimagħtejn li baqa’ tar-Ramadan, żmien ferm importanti għall-Musulmani. Ftehim li jista’ imbagħad iwassal għal waqfien komplet tal-ġlied li ħalla mijiet ta’ eluf ta’ nies mejta, bil-maġġoranza tfal u nisa.
Quddiem dan kollu, l-Istati Uniti, l-alleat ta’ Iżrael, żammew lura milli jużaw id-dritt tal-veto u asstjenew milli jivvutaw. Dan filwaqt li l-erbatax-il membru l-ieħor, inkluż ir-Russja, iċ-Ċina, ir-Renju Unit u Malta ivvutaw favur il-waqfien mill-ġlied.
Ir-riżoluzzjoni titlob ukoll il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi Iżraeljani kollha.
Ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Maqgħuda Vanessa Frazier, spjegat li din ir-riżoluzzjoni hija kruċjali biex ittaffi l-katastrofi umanitarja f’Gaza.
#Malta welcomes the adoption of the #Ramadan #Gaza #Ceasefire res. which we co-penned with the #UNSC #Elected10. Res. 2728 demands an immediate CF for Ramadan, leading to a lasting sustainable CF. It must be fully implemented – the fighting needs to stop now.@MaltaGov 🇲🇹@UN 🇺🇳 pic.twitter.com/AAQT67YSHk
— Malta at the UN 🇲🇹🇺🇳 (@MaltaUNMission) March 25, 2024
F’kumment li ta lil dan l-istazzjon, ftit tal-minuti wara li għaddiet din ir-riżoluzzjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, stqarr li Malta mhux biss ivvutat favur, iżda ħadmet b’mod kostruttiv biex dan iseħħ.
Hawn spjega li issa huwa kruċjali li dak li ġie maqbul, jiġi implimentat.
Il-Ministru Ian Borg temm jgħid li jħares ’il quddiem sabiex minn nhar it-Tnejn li ġej, bħala President tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, Malta se tkompli taħdem biex ikun hemm il-paċi u sigurtà madwar id-dinja.
Min-naħa tiegħu, fuq is-pjattaforma soċjali X, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħquda, Antonio Guterres spjega li riżoluzzjoni tal-illum għandha tiġi implimentata biex jiġi żgurat waqfien mill-ġlied.
The Security Council just approved a long-awaited resolution on Gaza, demanding an immediate ceasefire, and the immediate and unconditional release of all hostages.
— António Guterres (@antonioguterres) March 25, 2024
This resolution must be implemented. Failure would be unforgivable.
Intant, ftit wara li għaddiet din ir-rezoluzzjoni, il-Prim Ministru tal-Israel, Benjamin Netanyahu ħassar iż-żjara li kien se jagħmel din il-ġimgħa fil-White House.