L-awtorità Maltija għall-Mediċini approvat u ħarġet l-ewwel liċenzja għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali lill-kumpanija Kanadiża Aphria, kumpanija rinomata f’dan is-settur.
Dan huwa meqjus bħala pass importanti għall-pajjiżna sabiex is-settur tal-kannabis mediċinali f’Malta jibda jesporta prodotti tal-ogħla kwalità manifatturati f’pajjiżna.
L-ewwel prodotti li se jiġu manifatturati minn Aphria se jkunu f’forma ta’ fjuri niexfa, bil-kultivazzjoni tagħhom se tkun qed issir fil-Kanada. Dawn il-prodotti se jkunu qed jinbiegħu fi swieq prinċipali u kompettitivi madwar id-dinja.
Dan l-investiment barrani dirett f’pajjiżna sar wara proċess ta’ skrutinju rigoruż immexxi mill-Awtorità għall-Mediċini u l-Malta Enteprise.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Awtorità għall-Mediċini, Deo Debattista qal illi l-proċess ta’ liċenzjar ħa madwar sentejn b’ħidma flimkien ma’ speċjalisti fi ħdan l-Awtorità. Is-Segretarju Parlamentari sostna li dan il-proċess ifisser garanzija biex il-prodott ikun tal-ogħla kwalità sabiex Malta tkun ukoll fuq quddiem f’dan il-qasam.
Fil-fatt l-Awtorità għamlet spezzjonijiet fl-impjant ta’ Malta kif ukoll fil-faċilitajiet ta’ Aphria fil-Kanada minn fejn se tiġi esportata l-materja prima. Dan sar sabiex ġew iċċertifikati l-proċeduri u li huma skont livelli Ewropej b’rabta mal-produzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi.
Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli laqgħet din l-aħbar filwaqt li sostniet li din in-niċċa speċjalizzata se tkun qed tfisser attività ekonomika importanti. Il-Ministru Dalli qalet li dan l-investiment dirett barrani se jwassal għal ħolqien ta’ aktar xogħol.
L-Awtorità għall-Mediċini għaddejja bi proċess ta’ evalwazzjoni biex aktar kumpaniji tinħarġilhom liċenzja għall-produzzjoni lokali tal-kannabis għal skop mediċinali.