L-Awtoritá tal-Ippjanar approvat l-iżvilupp tal-estensjoni tal-bini tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla li se jintuża mill-American University of Malta.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-investituri tal-American University of Malta applikaw għall-estensjoni ta’ sular f’Baċir Numru Wieħed, bl-għan li din l-estensjoni tikkumplimenta l-post li qed jagħmel il-Kottonera wieħed mill-aktar postijiet attraenti. Issa li r-restawr il-Baċir Numru Wieħed huwa avvanzat ferm, il-pass li jmiss huwa t-tneħħija ta’ ammonti kbar ta’ asbestos li hija komuni f’postijiet li jintużaw bħala Tarzna, din il-kimika hija ta’ periklu kbir għas-saħħa.
Id-Direttorat tal-Ippjanar ippropona lil Awtorita tal-Ippjanar biex japprova din il-proposta hekk kif dan il-proġett qed jgħin bil-kbir fir-riġenerazzjoni ta’ dan il-post. Din l-approvazzjoni tfisser li l-investituri għamlu pass ieħor f’dak li huwa proċess dettaljat li se jwassal biex jinvestu miljuni kbar ta’ ewro. L-għan ta’ dan l-investiment huwa li eluf ta’ studenti jiġu jistudjaw fuq livell terzjarju f’pajjiżna. Dan il-proġett huwa wieħed mill-ikbar proġetti fin-nofsinhar ta’ Malta f’ħafna snin, li diġa qed iħalli l-effetti mixtieqa hekk kif inhu rifless fil-mod ta’ kif l-propjetá f’din iż-żona qed tiġi rriklamata.